Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar proġett infrastrutturali ġdid fil-qasam marittimu, bil-għan li tittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza operattiva tal-Port il-Kbir. B’investiment ta’ madwar 55 miljun ewro, dan il-proġett huwa mmirat li jnaqqas l-effett tal-mewġ li bħalissa jaffettwa żoni kritiċi bħal Xatt il-Barriera u l-punti ewlenin marittimi ta’ aċċess lejn il-Birgu, il-Kalkara u r-Rinella.

Il-Ministru Chris Bonett sostna li dan il-proġett huwa eżempju ċar tal-impenn li għandu l-gvern biex ikompli jtejjeb il-qasam marittimu, pilastru ewlieni għall-ekonomija tal-pajjiż. “Minbarra l-aspett ekonomiku u l-protezzjoni li dan il-port joffri għall-attività marittima, huwa d-dmir tagħna li nipproteġu l-wirt kulturali u naturali li l-Port il-Kbir huwa magħruf għalih mad-dinja kollha. Dan il-proġett se jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni marittima naturali fiċ-ċentru tal-Mediterran, b’infrastruttura li tilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd,” sostna l-ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta Infrastructure Malta Steve Ellul spjega li dan il-proġett huwa bbażat fuq tliet strutturi maħsuba biex inaqqsu l-impatt tal-mewġ li bħalissa jidħol fil-Port il-Kbir mill-Majjistral, il-Grigal u l-Lvant u li kapaċi jħalli riperkussjonijiet devastanti.
Dan il-proġett, li huwa konformi mal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport ta’ Malta 2025, jikkonsisti minn tliet fatturi:
- Breakwater taħt l-ilma ta’ 600 metru li jibda minn Imgerbeb Point sal-Ponta ta’ Sant’Iermu. Dan il-breakwater taħt l-ilma huwa maħsub li jikkalma l-intensità tal-mewġ li jiġi mill-Grigal u l-Lvant. Dan jagħmel effett fuq l-operazzjonijiet marittimi.
- Żewġ revetments betonat żgħar fl-Imgerbeb Point, pożizzjonati strateġikament biex jinfurzaw l-istruttura prinċipali.
- Estensjoni ta’ 100 metru tal-breakwater fil-punent ta’ dak eżistenti, speċifikament maħsuba biex timmitiga l-forza mill-Majjistral. Dawn it-tip ta’ mewġ huma l-aktar persistenti matul is-sena, u għalhekk dan il-breakwater huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà operattiva fil-Port il-Kbir.
Infrastructure Malta qiegħda fi stadju avvanzat tal-ippjanar u tal-eżekuzzjoni ta’ studji tekniċi biex jinbena breakwater ġdid flimkien ma’ strutturi oħra taħt l-ilma. Dawn il-pjanti għaddew għand l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent li qegħdin jagħmlu evalwazzjoni bir-reqqa biex jiżguraw li jiġu segwiti l-liġijiet dwar l-impatt ambjentali u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.