Saturday, July 20, 2024

Investiment li se jnaqqas l-istennija fl-appuntamenti għall-MRI

Aqra wkoll

Is-servizz mediku ta’ pajjiżna fis-settur tar-radjoloġija u r-radjografija se jkompli jitjieb permezz ta’ investiment qawwi fl-MRI. Il-Gvern bħalissa qed jalloka €2.1 miljun f’dak li qed jissejjaħ bħala MRI twilight budget. Dan l-ammont se jiżdied fil-ġranet li ġejjin u se jitla’ għal €3.8 miljun sabiex fejn is-soltu jsiru 375 MRIs żejda fil-ġimgħa, din iċ-ċifra titla’ għal 600 aktar fil-ġimgħa.

Dan ħareġ minn informazzjoni li ta l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ.

Il-Ministru Abela qal li din l-inizjattiva se timbotta ċ-ċifra ta’ MRIs extra għal 31,200 fis-sena. B’hekk huwa mistenni li fi żmien sena, il-ħinijiet kurrenti ta’ stennija jonqsu drastikament.

Minn aktar informazzjoni li ta l-Ministru Abela, jirriżulta li sal-aħħar ta’ Ġunju, kien hemm 103 persuni jistennew appuntament għall-MRI u ilhom jistennew aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm bosta raġunijiet għala dan il-perjodu jinqabeż.

Bħalissa tnejn mill-MRIs fl-Isptar Mater Dei jaħdmu 21 siegħa u nofs kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. It-tielet MRI fl-Isptar Mater Dei taħdem 19-il siegħa u nofs kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Is-Sibtijiet u l-Ħdud jiftħu skont il-pjan tax-xogħol tar-radjologi u r-radjografi disponibbli.

F’dawn l-aħħar xhur, ġiet introdotta MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li tintuża għal 12-il siegħa, jumejn fil-ġimgħa. Fix-xhur li ġejjin, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex se jkollu magna ġdida u aktar avvanzata. Magni simili bħal din se tiġi installata fir-Residenza San Vinċenz.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport