Wednesday, April 24, 2024

Investiment ta’ aktar minn €2 miljun f’dgħajsa ġdida għall-assistenza u s-salvataġġ madwar il-kosta

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed ikompli jiġi immodernizzat biex jilħaq aspetti usa’ fl-assistenza u s-salvataġġ. B’investiment ta’ ’l fuq minn €2 miljun ġiet imsaħħa s-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili b’dgħajsa ġdida, bil-għan li tlaħħaq aħjar f’inċidenti ta’ nirien ta’ bċejjeċ tal-baħar żgħar u medji, kif ukoll se tkun tista’ tipprovdi l-ewwel intervent fuq nirien ta’ bastimenti kbar. Ġie inawgurat ukoll it-tieni Rhib, b’investiment ta’ €300,000, li se jintuża għas-salvataġġ ta’ persuni f’diffikultà qrib l-irdumijiet kif ukoll għal operazzjonijiet oħra ta’ salvataġġ.

L-inawgurazzjoni ta’ dawn iż-żewġ opri tal-baħar saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri għamel aċċenn għall-kullana t’investimenti li saru fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fejn f’dawn l-aħħar għaxar snin il-gvern investa bil-kbir kemm fit-tagħmir kif ukoll fit-taħriġ tal-ħaddiema.

Dan il-Gvern wera bil-provi li jemmen fil-Korpi Dixxiplinati. Fil-fatt, l-investiment kapitali f’sena huwa 18-il darba iżjed minn kemm kien għaxar snin ilu. Illum in-nefqa kapitali f’dan id-dipartiment qabżet it-8 miljun u ħames mitt elf ewro. Dan wassal biex id-dipartiment inbidel f’post b’ħaddiema mħarrġa, b’kundizzjonijiet li jixirqilhom u bl-iprem għodda sabiex jaħdmu biha,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali Peter Paul Coleiro qal li din id-dgħajsa toffri rispons rapidu fuq il-baħar b’veloċità ta’ 44 knot u kif ukoll l-possibilità ta’ tifi tan-nar, ta’ ftit aktar minn 5,000 litru fil-minuta, minn fuq quddiem tad-dgħajsa u kif ukoll il-possibilità li l-pumpiera jitilgħu bil-manek fuq il-bċejjeċ milquta min-nirien u jsir tifi tan-nar aktar tradizzjonali.

Sport