Tuesday, September 24, 2024

Investiment ta’ €15-il miljun fi grants għal vetturi elettriċi ġodda

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar investiment ta’ €15-il miljun fi skemi għal xiri ta’ vetturi elettriċi (EVs) ġodda. Skemi li qegħdin iwettqu miżuri tal-budget għal din is-sena u li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu x-xiri minn individwi, għaqdiet volontarji, u intrapriżi ta’ vetturi elettriċi u muturi, inkluż roti.

Il-Ministru Chris Bonett spjega kif dawn l-inċentivi se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ta’ Malta u Għawdex għal trasport aktar nadif u sostenibbli, bħala parti minn pjan strateġiku ikbar li se jwassal għan-newtralità tal-karbonju.

Huwa spjega kif f’sentejn ġew irreġistrati madwar 4,000 vettura elettrika ġdida, biex bħalissa fit-toroq Maltin hawn madwar 15,000 vettura elettrika jew hybrid.

“Din hija l-viżjoni fit-tul li l-Gvern tagħna huwa kommess li jilħaq, skont l-għanijiet tal-UE, li jkollna ambjent aktar nadif u sostenibbli. Mingħajr ma npoġġu l-piż fuq iċ-ċittadini, qegħdin nagħtu sostenn permezz ta’ dawn l-għotjiet finanzjarji biex ikollna mezzi ta’ trasport nodfa.”

Transport Malta qegħda taħdem biex il-proċess biex il-pubbliku jgawdi minn dawn l-inċentivi jkun wieħed aktar effiċjenti, fosthom billi l-applikazzjoni se tkun aċċessibbli onlajn. B’dan se jnaqqas il-ħin biex l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati biex eventwalment l-għotjiet jingħataw lill-applikanti eliġibbli.

Il- Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, qal kif dan l-investiment minn fondi Ewropej se joffri inċentiv biex il-pubbliku jinvesti f’aktar f’vetturi elettriċi. Dawn se jassiguraw ambjent aħjar u sostenibbli f’pajjiżna.

L-inizjattivi u grants imħabbra għall-2024 jinkludu:

  • Grant għax-xiri ta’ Vetturi Elettriċi: €500 għal kull rota elettrika ġdida; €2,000 sa €6,000 għal kull mutur elettriku ġdid, triċiklu, jew kwadriċiklu; €11,000 għal kull karozza jew vann elettriku;
  • Skema ta’ Skrappjar – €500 għal kull mutur; €1,000 għal kull karozza; €30,000 għal kull minivan; €50,000 għal kowċis li ilhom aktar minn 10 snin;
  • Grants finanzjarji addizzjonali ta’ €1,000 għall-iskrappjar ta’ vetturi qodma rreġistrati f’Għawdex.

Vetturi elettriċi u plug-in hybrids b’awtonomija elettrika ta’ 50km jew aktar se jibqgħu jiġu eżentati mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni u mil-liċenzja tat-triq annwali għall-ewwel ħames snin mid-data ta’ reġistrazzjoni.

Sport