Tuesday, December 24, 2024

Investiment ta’ €175 fl-ajruport għall-ħames snin li ġejjin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fuq perjodu ta’ ħames snin, sas-sena 2027, se jkun qed isir investiment ta’ xejn inqas minn €175 miljun fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA). Dan sabiex ikun żgurat li l-ajruport ikun mgħammar b’mod infrastrutturali ħalli jerġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija filwaqt li jimmira għal aktar tkabbir u jżomm livell għoli ta’ servizz.

Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta rendikont tar-riżultati miksuba matul is-sena li għaddiet u l-prospetti għal din is-sena u anke lil hinn. 

Fil-preżentazzjoni tiegħu, is-Sur Borg spjega li fost il-proġetti li se jkunu qed isiru hemm l-ewwel fażi tal-espansjoni tat-terminal, it-tkabbir fiż-żona tad-Dwana, il-bini ta’ Apron X u x-xogħlijiet ta’ titjib fir-runway. Proġetti oħra jinkludu t-titjib fis-sistema tan-network, ir-rilokazzjoni tal-pompa tal-petrol u l-bini ta’ Skyparks 2 fost oħrajn. Apparti hekk se jsir ukoll il-proġett ta’ Cargo Village u se jkun hemm titjib fil-VIP Terminal.

Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA qal li fl-2022 għaddew 5.8 miljun passiġġier mill-ajruport, li huwa rkupru ta’ 80% fl-għadd ta’ passiġġeri meta mqabbel mal-2019 – is-sena qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. L-akbar swieq kienu l-Italja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja.

Is-Sur Borg tenna jgħid li meta wieħed jikkunsidra r-riżultati miksuba s-sena l-oħra u l-iżviluppi li kien hemm sa issa, l-ajruport qed ibassar li għal din is-sena, se jilqa’ 6.3 miljun passiġġier.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef laqa’ l-investiment li se jagħmel l-ajruport għall-ħames snin li ġej, u ddeskrivieh bħala “vot ta’ kunfidenza fl-industrija tat-turiżmu.” 

Filwaqt li ta ħarsa lejn l-istatistika maħruġa riċentament mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għall-perjodu Jannar-Novembru 2022, is-Sur Micallef ħabbar li “hu mistenni li nagħlqu l-2022 b’2.3 miljun turist.”

Ekonomija

Sport