Sunday, November 24, 2024

INVESTIMENT U TAĦRIĠ FIL-KULTURA BIEX PAJJIŻNA JILĦAQ LIVELLI OGĦLA

Aqra wkoll

Il-budget għas-sena d-dieħla se jkun qiegħed jagħti spinta lill-qasam kulturali u dak kreattiv. Dan jidher mill-fatt li għas-sena li ġejja, l-allokazzjoni għal dan il-qasam se jiżdied b’€20 miljun.

Dan minnu nnifsu ixejjen għalkollox il-kritika li pprovat tagħmel l-Oppożizzjoni meta saħqet li dan kien budget bla ebda investiment fis-settur tal-arti u l-kultura. Apparti hekk, it-total ta’ investiment li sar f’dan is-settur issa jaqbeż il-€104 miljuni, jiġifieri €81 miljun aktar mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. 

Imma lil hinn minn dan, minbarra l-miżuri li fih dan il-budget għal dan is-settur, aħbar mill-aktar pożittiva kienet dik li l-festa Maltija ġiet irrakkomandata biex tkun inkluża mal-lista tal-UNESCO tal-Wirt Intanġibbli tal-Umanità. 

Din ir-rakkomandazzjoni tfakkarna fl-importanza li pajjiżna għandu għal dawn il-festi li fiż-żmien ta’ restrizzjonijiet minħabba l-pandemija tlifna l-opportunità li ngawdu l-frott ta’ tant ħidma minn mijiet ta’ dilettanti li sa minn ċkunithom jitrawmu f’dan l-ambjent biex joffru spettaklu uniku bħalma kapaċi joffri pajjiżna. 

Nemmnu wkoll li fil-katina ekonomika ta’ pajjiżna, dawn iservu biex jattiraw eluf kbar ta’ turisti li jkunu qed iżuru dawn il-gżejjer matul il-jiem tas-sajf u saħansitra pajjiżna wasal fi stadju li jippromwovu dawn ix-xhur b’wirjiet differenti taċ-ċelebrazzjonijiet tal-istess festi fosthom l-ispettakli tan-nar tal-art u tal-ajru, u anke l-baned tradizzjonali.

F’dan il-qasam ma nistgħux ma nirrikonoxxux il-pass għaqli li għamel il-Gvern li jixtri każini tal-banda li kienu jinsabu f’riskju ta’ żgumbrati kawża tal-liġijiet antiki tal-kera. Nemmnu li b’dan il-mod, se nkunu qed nissalvagwardjaw tant snin ta’ tradizzjonijiet milli jgħibu mal-baħħ, riżultat ta’ dawk li setgħu kienu deċiżjonijiet li ma kinux ġew indirizzati minn amministrazzjonijiet preċedenti.

Nemmnu wkoll li ma nistgħux nittrattaw suġġett bħalma huma l-arti u l-kultura mingħajr ma nsellmu l-memorja ta’ Pawlu Curmi magħruf bħala l-Pampalun, il-bniedem li ta ħajtu biex għolla l-livell tal-Karnival Malti. Dan ma ngħiduhx aħna biss iżda l-folla li nġabret fil-Belt Valletta biex tagħti l-aħħar tislima kif jixraq lil dak meqjus bħala “missier il-Karnival” u li waqt li tkanta l-innu li tant kien għal qalbu ħalla lil dawk kollha li rawwem fihom l-imħabba għal din it-tradizzjoni bid-dmugħ f’għajnejhom.

Fid-dawl ta’ dan kollu, tajjeb li nagħrfu li l-investiment ma jista’ qatt jimxi mingħajr l-imħabba, il-passjoni u t-taħriġ ta’ dawk li sa minn ċkunithom jistgħu jkunu fundamentali biex l-arti u l-kultura jkomplu jimirħu lejn livelli oħra. Għalhekk dan l-investiment għandu jibqa’ għaddej paripassu mat-taħriġ li diġà qed ikun offrut lil dawk li juru x-xewqa li jkomplu f’dan is-settur. 

Sport