Wednesday, March 27, 2024

“Ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta għandhom jiġu rispettati” – il-President George Vella

Aqra wkoll

Il-President tar-Repubblika, George Vella, ilbieraħ waranofsinhar irċieva kopja tar-Rapport tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-President qal li ħa nota tal-konklużjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta u filwaqt li għad irid jixtarr aktar u aħjar dak li ġie deċiż u dak li ġie rakkomandat, l-ewwel reazzjoni tiegħu hija li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu rispettati u, kull fejn huwa possibbli, jitwettqu. 

Hekk kif il-proċess issa ġie konkluż, il-President Vella tenna l-importanza, kif għamel f’diversi okkażjonijiet matul il-Presidenza tiegħu, li l-istrutturi ġudizzjarji għandhom jitħallew jaħdmu bla ndħil u bla pressjoni esterna, sabiex il-ġustizzja tilħaq il-milja tagħha.

Il-President Vella jemmen li dan ir-rapport jaf, u għandu, iservi bħala l-punt tat-tluq biex jibda l-proċess ta’ fejqan fuq livell nazzjonali tat-trawma li ħalla dan l-assassinju tal-waħx li seħħ f’Ottubru 2017. Dan jista’ jintlaħaq ukoll fl-ispirtu tal-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li l-President sejjaħ fi Frar li għadda, kif ukoll fil-ħidma tal-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali li ser tiġi varata fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-President sema’ dak kollu li ntqal fil-konferenzi stampa tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni u jħoss li għandu jingħaqad magħhom biex jesprimi sogħba għal dak kollu li wassal għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ekonomija

Sport