Sunday, December 22, 2024

Ir-rebħ tal-FA Trophy kienet bravura li ftit timijiet promossi kapaċi jagħmluha – Timmy Aquilina

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Timmy Aquilina twieled fit-12 ta’ Ġunju 1998 u llum il-ġurnata għandu 25 sena. Hu jilgħab bħala goalkeeper u kiber fl-akkademja ta’ Sliema Wanderers. Lagħab ma’ Senglea Athletic, Santa Lucia u Gudja United għalkemm irritorna mal-Blues fejn għenhom ukoll jiksbu posthom lura fil-Kampjonat Premier wara staġun jilagħbu fil-BOV Challenge League.

Matul dan l-istaġun, Aquilina ħafna drabi kien goalkeeper ta’ riserva ta’ Rashed Al Tumi għalkemm kull meta daħal fl-azzjoni ta l-aqwa tiegħu bħalma jagħmel dejjem.

Aquilina kien ferm kuntent bl-akkwist tat-tielet post li jfisser post fil-UEFA Europa Conference League iżda wkoll bir-rebħ tal-FA Trophy. Din il-gazzetta ħadet il-kummenti tal-goalkeeper Slimiż dwar dan tmiem ta’ staġun ferm pożittiv.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Niftakar li kelli dawn l-erba’ snin meta bdejt nilgħab il-futbol. Kont għadni żgħir iżda l-familja tiegħi dejjem jgħiduli li anke meta kont għadni iżgħar dejjem bil-ballun tal-plastik u erħieli nixxuttja u nilgħab ma’ sħabi. Naħseb li kellha tkun xi ħaġa naturali li nkun plejer tal-futbol.

Kellimni dwar dan is-suċċess li ksibtu bħala Sliema Wanderers.

Għalija dan kien it-tielet unur li rbaħt mal-Blues. L-ewwel wieħed kien proprju l-FA Trophy fis-sena 2016 meta dakinhar konna rbaħna lil Balzan 5-4 wara l-għoti tal-penalties.

It-tieni unur wasal fl-istaġun li għadda wara li ksibna t-titlu tal-kampjonat Challenge u issa ġie dan it-tielet unur li nqisu bħala wieħed prestiġġjuż bil-mod kif wasal.

Tinsiex li aħna konna għadna kemm ġejna promossi u għalhekk il-prestiġġju jikber ftit mhux ħażin. Jien kburi tax-xogħol li għamilt individwalment u minkejja li ma tantx kont involut f’ħafna mil-logħbiet tas-Sliema, dejjem tħarriġt bl-aqwa mod possibbli.

Jien ukoll tifel min-nursery tas-Sliema u għalhekk tħossok iktar kburi li għamilt din il-bravura. Jien personali ma stennejtx li konna se nirbħu l-FA Trophy u għalhekk kienet bravura li ftit timijiet promossi kapaċi jagħmluha.

Issa li se tkun qed tipparteċipaw fil-UEFA Europa Conference League. Kif qed tippreparaw għal din il-kompetizzjoni?

Bħalissa ninsabu weqfin għal ftit tal-jiem ta’ mistrieħ u dalwaqt nerġgħu lura għat-taħriġ. Kulħadd jinsab ħerqan sabiex jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni wara li konna neqsin fuq livell Ewropew għal ħafna snin. Personalment jien għadni ma nafx eżatt x’se jiġri minħabba li se jkun qed jispiċċali l-kuntratt u rrid nitkellem mal-kumitat sabiex nippruvaw inġeddu. Jaf isir qbil iżda dwar dan irridu nitkellmu fil-jiem li ġejjin.

X’sehem kellu l-kowċ Paul Zammit f’dan is-suċċess?

Paul Zammit beda magħna sentejn ilu u kien proġett li ridna nibnu tim għall-kampjonat Premier proprju miċ-Challenge League. Ma kinitx biċċa xogħol faċli li jkollu tim motivat meta konna għadna kemm ġejna relegati mill-ogħla kampjonat Malti. Minkejja kollox, bdejna naffaċċjaw il-maltemp u bil-mod il-mod bdejna nġibu l-kunfidenza, xi ħaġa li l-kowċ tagħna rnexxielu jnissel fina.

Il-kowċ Paul hu bniedem metikoluż ħafna, joqgħod ħafna attent għad-dettall filwaqt li dejjem irid l-aqwa mill-plejers tiegħu. Hu bniedem li tana għajnuna kbira sabiex wasalna fejn wasalna.

sehem kellu paul zmmait?

U x’inhi l-opinjoni tiegħek fuq il-kumitat ta’ Sliema Wanderers FC immexxi mill-president Keith Perry?

Il-kumitat taħt il-presidenza ta’ Keith Perry kienet fattur ewlieni li wasal dan is-suċċess. Dawn huma nies li jaħdmu ħafna minn wara l-kwinti mingħajr ħafna daqq ta’ trombi u li baqgħu mat-tim anke f’mument fejn l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb. Kienu hemm fit-tajjeb u fil-ħażin u nammira ħafna x-xogħol li għamlu dawn in-nies għax kieku mingħajr il-ħidma tagħhom, it-tim ma kienx jagħmel din ir-rimonta. Huma kienu ta’ għaqda kbira fostna l-plejers u tawna l-fiduċja kollha sabiex naslu għat-tielet post u r-rebħ tal-FA Trophy. 

Nixtieqek twassal messaġġ ta’ ringrazzjament lil dawk kollha involuti fi ħdan Sliema Wanderers FC sabiex waslu dawn is-suċċess fi żmien relattivament qasir.

L-ewwelnett ma nistax ma nirringrazzjax lill-familja tiegħi li kienu ta’ spalla għalija tul dan l-istaġun ferm twil. Mill-aspett individwali ma nistax ngħid li kien staġun ta’ barra minn hawn għalkemm xorta nixtieq nirringrazzja lill-kowċis kollha li emmnu fija tul dan iż-żmien. 

Grazzi ħafna lill-kumitat mit-team manager sal-president li kollha ħadmu qatigħ sabiex urejna l-potenzjal kollu tagħna. Għaddejna minn ħafna turbulenzi f’dawn l-aħħar snin iżda l-kumitat baqa’ sod u lest jaffaċċja l-maltemp.

Grazzi wkoll tmur lill-partitarji li aktar ma jmur aktar bdew jiżdiedu kemm meta konna fiċ-Challenge League kif ukoll meta konna fil-kampjonat Premier. Il-folla li rajna fil-finali tal-FA Trophy kienet xhieda ta’ dan. Grazzi ħafna li emmnu fina u aħna konna pronti pattejnilhom din il-fiduċja b’dawn is-suċċessi li ksibna. 

Finalment, nixtieqek twassal messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-futbol.

L-ewwelnett ix-xogħol hu ferm importanti sabiex tasal fejn tixtieq. It-taħriġ, il-persistenza u d-determinazzjoni huma importanti sabiex tilħaq l-objettivi tiegħek, xi ħaġa li b’xorti tajba rnexxieli nagħmel!

Ekonomija

Sport