Tuesday, April 30, 2024

Ir-rebħa fuq Ċipru tkompli tawgura futur sabiħ għat-team nazzjonali …..

Aqra wkoll

Ritratt: MFA (Domenic Aquilina)

Bla dubju, ir-rebħa fuq Ċipru għadha tidwi fost il-dilettanti tal-football Malti li tawgura tajjeb ukoll għall-frutur tat-team nazzjonali taħt coach, Devis Mangia,  li biddel kompletament l-istrateġija u l-attitudni fost il-players.

Minkejja li qabel il-logħba kontra Ċipru mill-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022, il-coach nazzjonali żamm saqajh mal-art tant li anke fakkar li l-avversarji tagħna huma qabilna sew fir-rankings tal-FIFA, il-logħba li pproduċa t-team Malti nhar l-Erbgħa kontra Ċipru kienet waħda ta’ min jammiraha.

U dan seta’ jarah b’għajnejh anke l-president tal-UEFA, Alexander Ceferin, li kien preżenti fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, kif ukoll l-attendenza ta’ 2,689 u l-eluf li segwew­ha minn fuq it-televiżjoni.

Ir-rebħa kienet waħda storika għax kienet l-ewwel darba li qatt irbaħna f’pajjiżna fit-Tazza tad-Dinja bl-uni­ċi tnejn li rbaħna seħħew barra minn xtutna, kontra l-Estonja fl-1993 u kontra l-Armenja fl-2013, jiġifieri 20 sena wara.

Kemm ilu li Mangia ħa r-responsabbiltá tat-team huwa bidel kompletament is-sistema tal-logħob li issa hija bbażata fuq l-attakk tant li fl-erba’ logħbiet li lgħabna s’issa kellna tentattivi fil-lasti daqs l-avversarji kollha f’daqqa kontrina, jiġi­fieri 15 minn 28 waqt li r-Russja, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Kroazja u Ċipru kellhom 15 ukoll iżda minn 46 xutt.

Il-clean sheet li żamm il-goalkeep­er, Henry Bonello, kienet waħda rari f’kompetizzjonijiet bħal dawn għalkemm fil-passat kellna ftit ukoll bħal kontra l-Ġermanja tal-Punent u kontra r-Repubblika Ċeka li ntemmu mingħajr goals.

Infatti l-aħħar clean sheet fit-Tazza tad-Dinja kienet fir-rebħa kontra l-Armenja, nhar is-7 ta’ Ġunju, 2013. Dak in-nhar il-goalkeeper kien Jus­tin Haber.  

Bla dubju wieħed żgur li tpaxxa jara lit-team idawwar il-ballun minn player għall-ieħor tant li spiċċajna superjuri għall-aħħar f’dak li huwa pussess tal-ballun li kien 72% favur u ċ-Ċiprijotti kel­lhom 28%.

Il-goals ma setgħux jiġu f’ħinijiet aħjar, l-ewwel wieħed fl-44 minuta, it-tieni fis-46 minuta u t-tielet fl-54 minuta li kollha kienu goals mill-isbaħ skorjati minn doppjetta ta’ Cain Attard u l-ieħor minn Joseph Mbong.

Ta’ min jgħid li l-ewwel goal ta’ Attard kien il-150 goal skorjat mit-team Malti fl-Is­tadium Nazzjonali.

U jekk qed insemmu n-numru 150 … inte­ressanti huwa l-fatt li APOEL sar il-150 club vittma ta’ Malta bit-tliet goals li sofra l-goalkeeper tagħhom, Michael Neofytos.

Barra minn hekk Attard sar l-ewwel player ta’ Birkirkara li skorja doppjetta għal Malta … u t-tieni waħda fit-Tazza tad-Dinja … wara Carmel Busuttil li għamel dan fid-draw ta’ 2-2 kontra l-Ungerija, nhar il-11 ta’ Diċembru, 1988, taħt it-tmexxija tal-coach Horst Heese … 32 sena, 8 xhur u 21 ġurnata ilu.

Fil-każ ta’ Mbong … flimkien ma’ ħuh Paul, kisru r-rekord tal-aħwa Edward u Ritchie Aquilina li lagħbu flimkien fit-team nazzjonali … b’sitt dehriet. Ir-rekord assolut huwa għand l-aħwa Raymond u George Xue­reb, b’total ta’ 22 darba. 

Ftit qabel l-ewwel goal iċ-Ċiprijotti spiċċaw b’10 players meta r-referee Taljan, Fabio Maresca, tkeċċielhom lil Costas Soteriou bit-tieni karta safra għal simulazzjoni bil-Maltin japprofittaw ruħhom sew mis-sitwazzjoni tant li l-goals waslu fi spazju qasir.

S’issa lagħbna erba’ logħbiet li minnhom ħadna rebħa, draw u żewġ telfiet meta l-avversarji tagħna huma qabilna sew fir-rankings tal-FIFA – il-Kroazja (18), is-Slovakkja (38), ir-Russja (41), is-Slovenja (66), Ċipru (99) u Malta (177).

Fl-aħħarnett ta’ min jifraħ lill-players tal-wirja mill-aqwa li taw bir-rebħa setgħet kienet ikbar li ma tlifniex żewġ ċansijiet faċli minn Luke Montebello u Paul Mbong. Iżda bl-iskor ta’ 3-0 ma nistgħux inkunu iktar kuntenti!

Mindu ħa t-tmexxija, ir-rekord ta’ Mangia minn 14-il logħba huwa dak ta’ ħames reb­ħiet, erba’ draws u ħames telfiet, fejn ġew skorjati 20 goal u sofrejna wieħed inqas.

B’kollox huwa utilizza 38 players minn 17-il club differenti fejn b’kollox għamlu 217-il dehra.

Sport