Saturday, December 21, 2024

Ir-rebħa ta’ Lula ġewwa l-Brażil

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fil-31 ta’ Ottubru li għadda, Luiz Inacio Da Silva, magħruf aħjar bħala Lula, rebaħ l-Elezzjoni Presidenzjali ġewwa l-Brażil. Minkejja li s-sondaġġi kienu qegħdin juru li Lula kien sejjer jegħleb lil Jair Bolsanaro, il-president attwali tal-Brażil, b’marġini ħafna akbar, fl-aħħar irriżulta li kienet taqtigħa ħafna aktar missielta, bir-rebħa ta’ Lula tkun waħda minima ta’ madwar 1.8 punti perċentwali biss.

Lula, li kien diġà serva bħala president bejn l-2003 u l-2010, din id-darba sejjer ikollu biċċa xogħol ħafna aktar iebsa minn dik li kellu qabel, għaliex taħt idejh sejjer jiret pajjiż mifni bil-problemi ekonomiċi u bir-relazzjonijiet internazzjonali ma’ bosta pajjiżi qegħdin fi stat verament ħażin. Fuq kollox, Lula sejjer ikun qiegħed imexxi pajjiż mifrud politikament bil-pjaga tal-Bolsonariżmu, hekk kif inhi magħrufa l-politika tal-predeċessur tiegħu, li għadha b’saħħitha ħafna gewwa l-Brażil.

L-elezzjoni

Il-votazzjoni għat-tieni round tal-elezzjoni presidenzjali rat lil kważi 120 miljun Brażiljan jitfa’ l-vot tiegħu. Bolsonaro mar tajjeb ħafna fir-reġjuni tal-grigal ta’ dan il-pajjiż fl-Amerika Latina, filwaqt li Lula mar tajjeb fir-reġjuni tal-Lvant. Lula rebaħ din l-elezzjoni wara li xi kandidati oħra ċentru-xellugin ħeġġew lill-votanti li kienu tawhom il-vot fl-ewwel round sabiex jivvotaw lil Lula.

Iż-żewġ kontestanti finali għal xi raġuni jew oħra tilfu ħafna voti. Bolsonaro naffar lil ħafna votanti li tradizzjonalment jivvotaw lill-kandidati tal-lemin minħabba l-mod diżastruż kif mexxa l-ġlieda kontra l-pandemija. Min-naħa tiegħu, Lula għadu jbati mill-iskandli ta’ korruzzjoni li ilhom jippersegwitawh għal kważi 15-il sena, skandli li minħabba fihom spiċċa qatta’ xi żmien il-ħabs.

Lula kiseb ħafna voti tal-foqra minħabba li dawn għadhom jiftakru l-iskemi ta’ għajnuna għalihom li kien daħħal Lula meta kien president qabel. Fil-fatt, Bolsonaro, milli jidher kien konxju li Lula kien popolari ħafna fost il-foqra u kien ipprova jagħtihom xi għajnuniet finanzjarji ftit xhur qabel l-elezzjoni. Minkejja li jingħad li permezz ta’ din il-mossa huwa naqqas ħafna mid-differenza li kien hemm bejniethom, irriżulta li ma kinitx biżżejjed sabiex joħroġ rebbieħ.

Bolsonaro jindirizza lin-nazzjon

Kif kien mistenni, mat-tħabbira tar-riżultat, partitarji ta’ Bolsonaro, l-aktar membri ta’ unjin ta’ xufiera tat-trakkijiet, ħarġu jipprotestaw ġewwa t-toroq madwar is-26 istat Brażiljani. Dawn imblukkaw it-toroq bit-trakkijiet tagħhom u ħarqu xi tajers bħala protesta għaliex skont huma, il-proċess elettorali kien imbagħbas. Kif konna rajna f’artiklu ieħor preċedenti, Bolsonaro kien ilu ix-xhur jimla lin-nies b’akkużi infondati li l-proċess kien sejjer jagħti vantaġġ lil Lula.

Minkejja li ma kkonċediex it-telfa, Bolsonaro, wara kważi 50 siegħa ta’ skiet perfett wara t-tħabbira tar-riżultat, f’indirizz qasir ta’ mhux aktar minn żewġ minuti, qal li kien sejjer jirrispetta l-kostituzzjoni u li l-proċess ta’ tranżizzjoni tal-poter kien sejjer isir b’mod professjonali. Imbagħad, l-għada, permezz ta’ filmat irrekordjat li ġie mtella’ fuq il-midja socjali, Bolsanaro ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu sabiex ma jimblukkawx it-toroq minkejja li skont huwa ‘huma kellhom raġun li jipprotestaw għaliex l-elezzjoni kienet insterqet’.

Il-problemi ta’ Lula

Apparti l-iskandli ta’ korruzzjoni li semmejna, il-presidenza precedenti ta’ Lula kienet suċċess. Huwa kien tejjeb ħafna l-livell tal-għajxien tan-nies foqra u għamel ħafna proġetti infrastrutturali. Però, dik il-ħabta, l-ekonomija Brażiljana kienet mimlijja bil-flus li kienu deħlin miż-żieda mingħajr preċedent tal-esportazzjoni. Din id-darba, Lula sejjer ikun qiegħed imexxi pajjiż li għadu qiegħed jirkupra mill-pandemija u li xorta ntlaqgħat ħażin mill-gwerra tal-Ukrajna minkejja li ħafna kienu ħasbu li ż-żieda globali fil-prezzijiet kienet sejra tkun ta’ benefiċċju għall-prodotti li jesporta l-Brażil. 

Għalhekk, Lula sejjer ikollu diffikultà kbira sabiex jilħaq l-aspettattivi tan-nies fqar li qegħdin jistennew għajnuniet simili ta’ dawk mogħtija matul il-presidenza ta’ bejn l-2003 u l-2010. Lula jrid jara wkoll minn fejn sejjer igib il-flus ghal diversi proġetti li wiegħed, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ enerġija rinovabbli.

Minħabba li l-parlament Brażiljan huwa mimli daqs bajda minn kandidati tal-Partit Liberali, il-partit ta’ Bolsonaro, Lula sejjer ikun qiegħed isibha diffiċli sabiex jgħaddi liġijiet li huma kruċjali sabiex jimplimenta l-programm elettorali tiegħu.

Fuq kollox Lula sejjer ikun qiegħed jaffaċċja poplu maqsum politikament, bi kważi nofsu għadu leali lejn Bolsonaro u li ma jafda xejn lil Lula minhabba l-propaganda ma taqta’ xejn tal-istess Bolsonaro li ilu jpinġi lil Lula bħala xi dittatur Komunista tal-istess livell ta’ Nicholas Maduro, il-president tal-Venezwela.

X’inhu mistenni minn Lula

L-ewwel u qabel kollox, Lula jeħtieġ li jerġa’ jgħaqqad lill-Brażiljani billi jtaffi mill-velenu li ġie misqi matul il-kampanja elettorali li għaddiet, kampanja li fiha rajna numru mingħajr preċedent ta’ attakki personali miż-żewġ naħat u saħansitra l-mewt ta’ seba’ persuni. Fuq kollox, Lula jrid jikkonvinċi lin-nies, li din id-darba, il-Partit tal-Ħaddiema, il-partit li waqqaf huwa stess, sejjer iżomm lura mill-iskandli ta’ korruzzjoni. Dan jista’ jagħmlu billi jibni kabinett u ġudikatura bbażati fuq il-meritokrazija u mhux biss fuq lealtajiet politiċi.

Fuq livell internazzjonali, Lula mistenni joħroġ mill-iżolament li ntefa’ ġewwa fih pajjiżu minn Bolsonaro li żamm relazzjonijiet tajbin biss ma’ pajjiżi mmexxija minn mexxejja popolisti bħall-Ungerija, l-Polonja u r-Russja.

Mingħajr dubju ta’ xejn, l-akbar aspettativa li hemm fuq il-presidenza ta’ Lula hija fuq il-protezzjoni tal-Amażonja, li hija meqjusa bħala l-pulmun tad-dinja, wara li din ġiet sfruttata b’mod skandaluż matul il-presidenza ta’ Jair Bolsanaro.

L-istess bħalma ġara ġewwa l-Istati Uniti, fejn il-politika Trumpjana baqgħet soda minkejja t-telfa li kien ġarrab Donald Trump, ġewwa l-Brażil, il-Bolsonariżmu mistenni jibqa’ b’saħħtu u għalhekk mistenni wkoll jagħti kedda liema bħala lil Lula bħala oppozizzjoni b’saħħitha. Ħafna osservaturi politiċi bħalissa qegħdin jippruvaw isibu raġuni wara l-irtirata bil-kwiet ta’ Bolsanaro wara t-tħabbira tar-riżultat. Dan għaliex ħafna kienu qegħdin jistennew reazzjoni aggressiva bħal dik tal-partitarji ta’ Trump ġewwa l-Istati Uniti. Diversi ġurnali u aġenziji tal-aħbarijet qegħdin jgħidu li Bolsonaro qiegħed jara ċans tajjeb li ħames snin oħra jerġa’ jikkontesta u huwa għalhekk biss li għażel din l-istrateġija li jaċċetta r-riżultat.

Ekonomija

Sport