Tuesday, September 15, 2026
Home Sport Ir-Regatta ‘Finductive Dinghy’ – Il-Kampjonati Nazzjonali ser jsiru taħt l-awspiċi tal-Malta Sailing...

Ir-Regatta ‘Finductive Dinghy’ – Il-Kampjonati Nazzjonali ser jsiru taħt l-awspiċi tal-Malta Sailing Federation

0
79

Ir-Royal Malta Yacht Club ħabbar li l-Kampjonati Nazzjonali tad-Dinghy, sponsorjati minn Finductive, se jsiru mill-Ġimgħa 19 sal-Ħadd 21 ta’ Settembru 2026 fir-Ramla Bay Resort, bħala parti mill-Yachting Malta Race Week.

Il-Kampjonati Nazzjonali u r-Ranking Regatta, li se jsiru taħt l-awspiċi tal-Malta Sailing Federation, se jinkludu kompetizzjoni f’diversi klassijiet: ILCA, Optimist u klassijiet oħra one-design. Hu mistenni li jipparteċipaw flotot b’saħħithom mill-erba’ klabbs lokali tal-ibburdjar filwaqt li r-regatta se tilqa’ wkoll numru ta’ kompetituri internazzjonali.

“Ir-ritorn lejn il-Bajja tar-ramla tal-Bir fil-Mellieħa jġib miegħu ambjent partikolarment adattat għal dan it-tip t’avveniment. Il-fliegu ta’ Kemmuna joffri diversi postijiet eċċellenti minn fejn l-ispettaturi jistgħu jsegwu t-tlielaq, filwaqt li l-post huwa ideali għal familji li jixtiequ jqattgħu tmiem il-ġimgħa igawdu din l-okkażjoni, fejn jgħaqqdu l-azzjoni tat-tlielaq mal-ambjent ta’ waħda mill-isbaħ żoni kostali ta’ Malta,” irrimarka r-Rear Commodore (Sailing) Adrian Gauci Borda.

Ir-Royal Malta Yacht Club irringrazzja lil Finductive, għall-appoġġ tagħhom lil dawn il-kampjonati, u b’hekk l-avveniment ikompli jikber kemm fid-daqs kif ukoll fil-firxa tiegħu.

Ir-rabta ta’ Malta mal-baħar hija parti mill-identità tagħha, filwaqt li s-setturi marittimi u tal-yachting huma wkoll parti importanti mill-komunità tan-negozju li naqdu. Għalhekk, l-appoġġ għall-Kampjonati Nazzjonali tad-Dinghy huwa għażla naturali għal Finductive. Minn dejjem kien parti mid-DNA tagħna f’Finductive li nkunu fil-qalba tal-komunitajiet tan-negozju li nappoġġjaw, u dan jgħinna ninvolvu ruħna magħhom u nifhmu l-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna b’mod ferm aktar dettaljat. Il-missjoni tagħna għalhekk hija sempliċi ħafna: li ngħinu lin-negozji li nappoġġjaw jimmaniġġjaw pagamenti bejn pajjiżi u muniti differenti permezz ta’ kontijiet flessibbli b’diversi muniti, faċilitajiet ta’ pagamenti internazzjonali u karti ta’ debitu personalizzati. Kuntenti li nappoġġjaw lir-Royal Malta Yacht Club u lill-kompetituri li se jieħdu sehem f’Settembru, filwaqt li nikkontribwixxu għal avveniment li jkompli jsaħħaħ il-komunità tat-tbaħħir f’Malta.” – Alex Konewko, CEO, Finductive

Dan l-avveniment jifforma parti mill-Yachting Malta Race Week, programm mifrux fuq diversi jiem organizzat mir-Royal Malta Yacht Club u Yachting Malta. Il-programm jinkludi diversi dixxiplini u klassijiet; u kif ukoll Steering The Course, inizjattiva ta’ World Sailing appoġġjata mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u organizzata flimkien mal-Vikings Sailing Club, bil-għan li tintroduċi aktar nisa fl-ibburdjar. B’hekk, il-Yachting Malta Race Week tkompli tistabbilixxi ruħha bħala appuntament li jilqa’ kemm kompetituri b’esperjenza kif ukoll dawk li jkunu qed jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fl-ibburdjar.

Il-Finductive National Dinghy Championships jifforma parti mill-inizjattiva ta’ Sport Malta għall-European Week of Sport 2026.

Ir-Royal Malta Yacht Club jirringrazzja lil Yachting Malta għall-appoġġ kontinwu tagħha biex ikunu jistgħu jsiru avvenimenti ta’ din il-kwalità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here