F’pass sinifikanti li jisfida l-ġerarkija sportiva tradizzjonali, Valletta FC u SMMI srl illum iffirmaw ftehim li se jittrasforma s-settur tan-nisa ta’ Valletta FC f’entità ewlenija tal-futbol, li tifforma parti minn network internazzjonali tal-futbol tan-nisa.
Il-ftehim, iffirmat illum bejn John Naudi, sid ta’ SMMI srl u kelliem għal Redeem Finance, u Claudio Grech, President ta’ Valletta FC, jistabbilixxi arranġament ta’ tmexxija fit-tul għall-istruttura tan-nisa ta’ Valletta FC. Dan jintroduċi qafas awtonomu ddedikat esklussivament għat-tkabbir, il-professjonalizzazzjoni u l-‘empowerment’ fil-futbol tan-nisa. Permezz tat-trasformazzjoni tad-diviżjoni tan-nisa f’entità indipendenti, din l-inizjattiva toħloq organizzazzjoni sportiva professjonali mibnija mill-pedamenti tagħha biex tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-atleti nisa.
Valletta FC Women issa se topera fi ħdan network internazzjonali prestiġjuż ta’ amministrazzjoni ta’ diversi klabbs, li jinkludi lil AS Monaco (Franza), Napoli Femminile (l-Italja) u Molassana Women FC (Genoa, l-Italja). Din l-alleanza strateġika ġġib magħha firxa globali bla preċedent, riżorsi tal-ogħla livell u opportunitajiet mingħajr paragun għat-talent żagħżugħ Malti.
Dan il-ftehim ta’ tmexxija fit-tul ineħħi b’mod ċar il-mudell skadut li jara l-futbol tan-nisa bħala prijorità sekondarja fl-ekosistema tal-futbol.
“Għal żmien twil wisq, il-futbol tan-nisa kellu jaċċetta r-realtà sfortunata li dejjem jiġi t-tieni fi ħdan strutturi tal-klabbs iddominati mill-irġiel,” qal John Naudi, sid ta’ SMMI srl.
“L-investiment tagħna huwa mfassal biex ikisser dak iċ-ċiklu għal kollox. M’aħniex nittrattaw id-diviżjoni tan-nisa bħala fergħa amministrattiva jew xi ħaġa sekondarja; qed nistabbilixxu struttura indipendenti u b’kapital qawwi. Dan il-proġett għandu l-għan li joffri lill-atleti nisa l-istess rispett istituzzjonali, riżorsi tal-ogħla livell u fokus professjonali li l-kontropartijiet irġiel tagħhom gawdew għal seklu sħiħ. Il-missjoni ewlenija tal-grupp ta’ investiment tagħna hija ċara: li ngħollu l-livell ta’ Valletta FC Women, billi nipprovdulhom il-gwida teknika, l-infrastruttura u l-appoġġ finanzjarju meħtieġa biex jikkompetu fl-ogħla livelli Ewropej.”
Il-viżjoni mressqa minn dan il-grupp tmur lil hinn sew mill-konfini tal-logħob tal-futbol ta’ 90 minuta. L-imsieħba qed iniedu proġett dedikat u lokalizzat, iffukat esklussivament fuq in-nisa fl-isport, imfassal biex irawwem ċiklu tal-ħajja ħolistiku ta’ tisħiħ atletiku, personali u professjonali.
“L-għan tagħna huwa li noħolqu struttura li fiha n-nisa jingħataw is-setgħa u l-opportunitajiet, mill-età bikrija sa snin twal wara l-irtirar tagħhom,” spjega kelliem għal Redeem Finance. “Il-karriera sportiva hija qasira, iżda l-potenzjal uman idum ħajtu kollha. Permezz tan-network tagħna ta’ diversi klabbs, qed nibnu qafas fejn tfajla tista’ tibda l-vjaġġ tagħha magħna minn età żgħira, tiżviluppa fi plejer professjonali internazzjonali, u mbagħad tgħaddi biex issir kowċ kwalifikata, direttur sportiv, jew eżekuttiv tal-klabb fi ħdan in-netwerk globali tagħna. Qed ninvestu fil-mara, mhux biss fil-plejer tal-futbol.”
Dan il-pass strateġiku jimmarka stadju importanti ieħor fil-proċess ta’ trasformazzjoni ta’ Valletta FC. Il-kombinament ta’ Valletta FC bħala istituzzjoni tal-futbol, l-involviment tal-komunità u l-viżjoni ta’ ispirazzjoni tal-grupp tal-investiment qed iwittu t-triq għal qafas fit-tul, maħsub biex jiżviluppa s-settur tal-futbol tan-nisa fil-Klabb u f’Malta.
“Meta bdejna dan il-vjaġġ sentejn ilu, wegħedna li nibnu istituzzjoni sportiva li tgħożż il-wirt tagħha iżda li fl-istess ħin tevolvi fi Klabb modern, sostenibbli u ambizzjuż. Dan il-pass jirrappreżenta pedament ieħor għall-futur tagħna: li nagħtu lill-futbol tan-nisa l-attenzjoni mistħoqqa u npoġġuh fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Klabb,” saħaq il-President ta’ Valletta FC, Claudio Grech.
“Minbarra l-fokus eċċezzjonali fuq il-futbol, l-imsieħba tagħna jaqsmu l-istess passjoni u ħeġġa għall-Belt Kapitali u għall-futur ta’ Valletta FC; dan huwa partikolarment sinifikanti għaliex din l-istruttura toffri l-pjattaforma ideali biex it-talent femminili lokali jilħaq ix-xena Ewropea, filwaqt li jibqa’ kburi ħafna bl-għeruq tiegħu.”




