Il-Gvern se joħloq fond speċjali għal dawk li jkunu sofrew ħsarat fil-proprjetà tagħhom minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li jkun qed isir maġenbhom. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa miftuħa tal-Kabinett bit-tema “Bis-Saħħa Tiegħek”, li mmarkat l-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid.
Dr Abela spjega li f’dan il-fond speċjali “se jinxteħtu flejjes ġejjin mis-settur tal-kostruzzjoni nnifsu, fejn meta għandek ħsarat li jiġu kaġunati lil terzi, hemmhekk dan il-fond se jagħmel tajjeb għall-ħsarat sal-ammont ta’ €15,000.”
Imbagħad l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tkun hi li tfittex lill-kuntrattur li jkun għamel il-ħsarat u b’hekk jiġi żgurat li jkunu rkuprati dawk l-ammonti li jkunu tħallsu mill-Awtorità.
“Hemmhekk fejn titwettaq ġustizzja mingħajr ma dak li jkun jidħol fi proċess burokratiku jew legali imma jkun żgurat li l-fondi pubbliċi ma jiġux ippreġudikati,” qal il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati li jibqgħu jaħdmu wara 25 sena servizz se jaraw titjib ta’ 29% fil-pensjoni. Wara 29 sena servizz, l-allowance se jitla’ għal sitt snin u mhux se jkun taxxabbli.
Dr Abela nnota wkoll il-punti varji li tressqu għad-diskussjoni waqt il-laqgħa tal-Kabinett u semma kif dawn l-interventi joffru bażi b’saħħitha biex inkomplu mmexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Huwa kompla billi elenka uħud mill-investimenti kbar li qed isiru fi proġetti li b’mod dirett jikkontribwixxu għal titjib fl-infrastruttura u sussegwentement għall-benesseri tal-poplu.
Dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima, il-Prim Ministru semma’ l-proġett ewlieni tal-battery storage li bħalissa jinsab fil-fażi tal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, huwa rrefera għall-ħidma avvanzata li għaddejja fuq il-proġett tat-tieni interconnector.
Semma’ wkoll kif is-saħħa qiegħda tingħata prijorità fejn anke bdew ix-xogħlijiet marbuta mal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-bini tal-isptar psikjatriku l-ġdid. Dr Abela kompla jgħid li fl-aħħar snin ingħatat spinta qawwija lit-trasport bil-baħar u semma’ kif wieħed mill-proġetti l-aktar importanti kien dak tal-fast ferry. Ma naqasx ukoll milli jsemmi kif il-proġett tal-Imsida Creek miexi ġmielu u li dan mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin.
Il-Prim Ministru temm jgħid li “dan kollu jagħti indikazzjoni ċara tad-direzzjoni li fiha se nieħdu lil dan il-pajjiż f’din il-leġiżlatura. Gvern li jiddeċiedi b’mod effettiv u għalhekk inħarsu ’l quddiem għall-implimentazzjoni tal-manifest Int Malta.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri, u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali Omar Farrugia spjega li fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura diġà ġew implimentati numru ta’ miżuri. Fost oħrajn huwa semma’ kif f’dawn l-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid, ingħalaq il-proċess tal-istrateġija aġġornata dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u tnediet l-after care policy – it-tranżizzjoni minn istituzzjoni għal ħajja indipendenti. “Dawn mhumiex biss pjanijiet fuq il-karta imma miżuri konkreti u inizjattivi li jagħmlu differenza fil-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” qal il-Ministru Farrugia.
