Friday, April 19, 2024

Ir-restorant Under Grain jirbaħ stilla Michelin xhur biss wara li fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku

Aqra wkoll

Xhur biss wara li fetaħ il-bibien tiegħu r-restorant Under Grain ingħata l-ewwel stilla Michelin f’Malta. Ir-restorant wera l-potenzjal tiegħu sa mill-ewwel istanti tiegħu, bit-tema tal-ħjata titħallat mal-aspett kulinarju biex tipprovdi esperjenza mill-aqwa lill-klijentela.

Fost l-oħrajn jispikka s-servizz professjonali li t-tim ta’ Under Grain jirriservaw lill-klijenti tagħhom, f’atmosfera rilassanti, anke jekk fl-istess waqt l-aspett kulinarju huwa fost l-aktar raffinat.

Immexxija mill-Executive Chef Victor Borg u t-tim tiegħu, il-kċina ta’ Under Grain tipproduċi menu konċiż u raffinat li jassigura kwalità għolja u kura għad-dettall.

Id-Direttriċi tal-Ospitalità Claire Zammit Xuereb saħqet li dan l-unur prestiġjuż huwa verament mistħoqq. “Dan huwa premju li jagħtina motivazzjoni biex inkomplu naħdmu iebes biex nilħqu l-għanijiet kulinarji tagħna. Dan huwa biss il-bidu tal-vjaġġ għal Under Grain.”

Il-General Manager ta’ AX Hotels Valletta, Matthew Gingell Littlejohn, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-premju tant prestiġjuż. “Kburi ħafna bit-tim ta’ Under Grain,” saħaq Gingell Littlejohn. “Dan il-premju huwa grazzi għax-xogħol iebes, id-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tat-tim kollu.”

L-Executive Chef Victor Borg esprima l-gratitudni tiegħu fil-konfront tat-tim tiegħu. “Naħdmu bħala tim u nirbħu bħala tim,” qal Borg hekk kif emfasizza l-importanza ta’ kull wieħed u waħda mit-tim biex intlaħaq livell daqstant għoli.

Under Grain jinsab livell taħt Grain Street, biswit Rosselli – AX Privilege, huwa miftuħ għall-ikel filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt, apparti nhar ta’ Tlieta. Huwa jkun miftuħ ukoll għal-lunch tal-Ħadd minn nofsinhar sat-3.00 p.m.

Sport