Se nagħlqu sena oħra bil-gwerer u bil-firdiet. Sitwazzjonijiet ta’ dieqa li l-bniedem iġibhom b’idejh stess. Il-Gwerra fl-Ukrajna, il-Gwerra fil-Lvant Nofsani u konflitti oħra dallmu s-sena li se nagħlqu u se jkomplu jiswew il-ħajjiet fis-sena l-ġdida li deħlin fiha. L-istess firda iżda, fuq skala iżgħar u individwali, hija bejn bniedem u ieħor li jiddistingwi u jiddiskriminizza bniedem ieħor bħalu. Dan kollu għax huwa ta’ nazzjon differenti, ta’ twemmin reliġjuż jew politiku differenti, ta’ kulur tal-ġilda differenti, ta’ orjentazzjoni sessswali differenti, ta’ statut differenti… Il-lista ma tispiċċa qatt. Din hija tassew ħasra u hawn nemmnu li aktar milli għall-Ewwel tas-Sena nibdew bir-reżoluzzjonijiet, ikun aħjar jekk qabel inpoġġu ftit u nirriflettu. Nirriflettu jekk hiex din id-dinja li rridu ngħixu fiha u jekk hiex din id-dinja li rridu nħallu lil uliedna.
Hemm bżonn ta’ riflessjoni għall-mexxejja li għandhom il-poter. Din ir-riflesssjoni hija urġenti aktar minn qatt qabel. Dan hekk kif it-thedid li l-gwerer jinfirxu u agħar minnhekk, li jeskalaw għal kunflitt nukleari, saret ir-retorika ferm perikoluża, ta’ kuljum. Nafu kemm il-gwerer u kunflitti mdemmija swew u qegħdin jiswew eluf ta’ ħajjiet innoċenti. Dan huwa l-prezz qares tal-gwerer. Tifkrik u mwiet. Ħadd ma joħroġ rebbieħ. Allura, x’għandna bżonnhom?
Hemm bżonn ukoll ta’ riflessjoni minn kull wieħed u waħda minnha. Dan għax filwaqt li kull persuna b’azzjoni tajba tista’ ttella’ bniedem fis-sema, b’azzjoni ħażina tista’ tniżżlu l-infern. Il-problemi ta’ firda li jeżistu jinħolqu min-nies. Hija ħasra li nintilfu fil-ġlied, fid-distinzjonijiet u fid-diskriminazzjonijiet meta fl-aħħar mill-aħħar aħna kollha l-istess. Bnedmin tad-demm u l-laħam bl-emozzjonijiet.
Għaldaqstant, qabel ma nibdew infajru r-reżoluzzjonijiet, xi drabi “frivoli”, ikun aħjar jekk f’dawn il-ġranet niddedikaw il-ħin biex nirriflettu fuq dak li għamilna din is-sena. Nikkontemplaw kif irridu li tkun għalina, għal ta’ madwarna u għall-bqija tad-dinja, is-sena ġdida 2025. Qabel inħarsu ‘l quddiem, tajjeb li nħarsu lura ħalli jkollna ċ-ċans naraw fejn inqasna jew żbaljana, nitgħalmu u nidħlu għas-sena l-ġdida bl-għerf.
Immaġinaw sena ġdida fejn il-mexxejja jipprijoritizzaw il-paċi fuq il-poter, il-kollaborazzjoni fuq il-kompetizzjoni u s-sostenibbiltà fuq il-gwadann. Immaġinaw ukoll komunitajiet magħquda li jirnexxu mhux għall-privileġġ iżda għall-ġustizzja. Immaġinaw finalment, soċjetajiet u familji li flok firda fosthom ikun hemm għaqda u rispett reċiproku.
Biex nilħqu dan hemm bżonn ta’ reżoluzzjonijiet serji u soluzzjonijiet kollettivi fejn kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Dan biex niksbu l-paċi u r-rispett lejn xulxin. Il-gvernijiet u ċ-ċittadini bl-istess mod għandhom jaħsbu mill-ġdid ir-rwoli tagħhom u jġeddu d-dedikazzjoni tagħhom għall-progress. Ir-rispett veru bejn iċ-ċittadini u l-mexxejja tagħhom ma jinsabx fil-lealtà għamja iżda f’ħidma kollettiva bl-istess għan. Li jsir dak li huwa ġenwinament fl-aħjar interess tan-nazzjon u sussegwentement tad-dinja li lkoll ngħixu fiha.
Fir-riżoluzzjonijiet tagħna għas-sena l-ġdida għandna mmorru lil hinn mill-gwadann personali u mir-raġunar egoistiku tal-ewwel jien, it-tieni jien u t-tielet jien jew għax ‘jien minni biss jimpurtani’. Bħala individwi, hemm bżonn li nimpenjaw ruħna biex kulma nagħmlu, nagħmluh b’intenzjonijiet tajbin, b’empatija lejn il-proxxmu u ħidma ġenwina ħalli ngħinu lil kull min huwa fil-bżonn u lil xulxin. Bħala nazzjonijiet, għandna mmorru għall-paċi, għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. Ejjew nonoraw is-sagrifiċċji ta’ missirijietna u dawk li emmnu u ħadmu għal dinja aħjar.
Kull sena ġdida toffri oppportunità biex nibnu mill-ġdid u biex intejbu mill-passat. L-2025 m’għandiex tkun sena oħra ta’ tbatija. Għandha tkun waħda ta’ tama ġdida. Għandna nżommu f’moħħna li futur aħjar mhuwiex biss għalina imma huwa wkoll il-pedament li se nfasslu għal dawk li jiġu warajna. Għaldaqstant, j’Alla għall-2025, ir-riflessjonijiet li se nagħmlu, kemm kollettivament kif ukoll individwalmennt, inbiddluhom f’reżoluzzjonijiet ta’ azzjoni u ta’ djalogu b’wegħda komuni għal sena aħjar.