Friday, December 20, 2024

IR-RISPETT LEJN IL-FORZI TAL-ORDNI

Aqra wkoll

Il-każ li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Ħamrun, fejn xi pulizija dehru jiġu aggrediti kixfet beraħ il-ħtieġa ta’ aktar riformi fil-liġijiet tal-pajjiż biex ikunu protetti aktar l-awtoritajiet li dmirhom huwa ż-żamma tal-ordni. Ma nistgħux nibqgħu aktar f’sitwazzjoni fejn membri tal-Korp tal-Pulizija, li jmorru jaqdu dmirhom, jiġu aggrediti jekk mhux ukoll imsawta.

Dan huwa għalkollox aġir inaċċettabbli f’soċjetà li temmen fid-demokrazija u r-rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt, li fuq kollox tfisser rispett lejn xulxin. Dawn l-aħħar snin ittieħdu miżuri għal aktar protezzjoni tal-pulizija fosthom l-introduzzjoni tal-body cams. Madankollu jeħtieġ illi l-protezzjoni tal-membri tal-Korp tissaħħaħ anke permezz ta’ pieni aktar ħorox mill-Qrati Maltin li jingħataw f’każi bħal dawn.

Aktar miżuri f’din id-direzzjoni jwasslu biex jikber id-detterent għal min b’xi mod jaħseb jew jazzarda li jista’ jattakka uffiċjali tal-Korp. Każi ta’ aggressjoni fuq il-pulizija jistgħu jnaffru liż-żgħażagħ milli jfittxu mpjieg fil-Korp tal-Pulizija. U huwa għalhekk importanti li jibqa’ jkun hemm aktar rispett meta l-pulizija qegħdin hemm għas-sigurtà tal-komunità. Ma jistax ikun imma li biex jiddefendu l-komunità jiġu aggrediti huma.

Kienet għalhekk floku dak li qalet il-General Workers’ Union illi minkejja r-regolamenti u kampanji għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà u r-rispett lejn xulxin għad fadal ferm aktar xi jsir. Fl-istess waqt, kull ħaddiem, hu min hu, jixraqlu li joħroġ jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u jirritorna lura d-dar mal-familja qawwi u sħiħ. F’dan il-kuntest, il-GWU għamlet sew li stqarret li sitwazzjonijiet bħal dawn mhumiex tollerati u jeħtieġ li jiħraxu l-pieni jekk verament pajjiżna jrid jeħles minn sitwazzjoni ta’ aggressjoni fuq persuni responsabbli miż-żamma tal-ordni f’pajjiżna.

B’dan kollu rridu napprezzaw li xogħol il-pulizija bħall-forzi tal-ordni kollha mhuwiex xogħol faċli anzi huwa skabruż u xi kultant iwettquh anke b’sogru għal ħajjithom u saħħithom. Għalhekk il-Forzi tal-Ordni jixirqilhom kull rispett u mġiba tajba lejhom. Fuq kollox ir-rikonoxximent lejn il-Forzi tal-Ordni huwa rifless ukoll fl-investiment kontinwu li l-Gvern qed jagħmel biex dawn ikunu mgħammra aħjar u jkollhom kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol biex iwettqu dmirhom bl-aħjar mod possibbli.

Ekonomija

Sport