Thursday, March 20, 2025

IR-RIVOLUZZJONI INDUSTRIJALI LI QED ISSEĦĦ FIL-KORPI DIXXIPLINATI

Aqra wkoll

It-tisħiħ fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kienet, għadha u tibqa’ prijorità għal dan il-Gvern. Xhieda ta’ dan huma d-diversi ftehimiet kollettivi li jiġu ffirmati mal-unjins rispettivi fejn il-ħaddiema mhux biss qed jieħdu dak li ħaqqhom u dak li huma intitolati għalih, imma wkoll qed jibbenefikaw minn aktar inizjattivi li se jsarrfu f’titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dan ukoll fil-kuntest illi jekk il-ħaddiem ikollu kundizzjonijiet tajbin fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem, se jkun produttiv aktar.

Proprju f’dawn l-aħħar ġimgħat assistejna għall-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid għall-uffiċjali korrettivi u l-ħaddiema amministrattivi tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Ftehim kollettiv li huwa riżultat ta’ djalogu soċjali bejn it-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU – liema taħditiet tmexxew mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali tal-People and Standards u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.

B’dan il-ftehim, madwar 400 uffiċjal korrettiv se jaraw żieda fis-salarju ta’ mill-inqas €5,000 fis-sena kif ukoll żidiet sostanzjali fl-allowances. Dan apparti li se jissaħħu l-opportunitajiet ta’ taħriġ u investimenti oħra. Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll kompla jissaħħaħ il-kumpens finanzjarju ġust għas-sigħat maħduma wara l-40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. 

Min-naħa tagħha, il-General Workers’ Union ħadmet bi sħiħ biex il-ħaddiema jimxu ’l quddiem fil-kundizzjonijiet. Dan l-aħħar ftehim mhux wieħed iżolat għaliex jifforma wkoll parti mir-rivoluzzjoni industrijali li qed narawha sseħħ fil-Korpi Dixxiplinati, minn meta dawn kienu ngħataw id-dritt li jissieħbu f’union. 

Għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux il-ħidma li saret biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira, minkejja l-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Ma rridux ninsew ukoll illi dawn il-ħaddiema kienu strumentali fil-bidla totali li saret fil-ħabs f’dawn l-aħħar snin. 

Quddiem dan kollu, inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu illi dan l-investiment li qed isir fil-Korpi Dixxiplinati se jkompli jissaħħaħ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Wara kollox, aktar investiment f’dawn il-ħaddiema jfisser investiment akbar fis-sigurtà ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport