Tuesday, April 15, 2025

Ir-riżultati jiġu imma l-ewwel trid titgħallem titlef biex tirbaħ – Edward Baldacchino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table tennis?

Prattikament fi żmieni kienu popolari ħafna l-Youth Centres fejn konna nqattgħu ħin twil nilagħbu u minn hemm ġietni l-imħabba lejn il-logħba. Kienu jorganizzawlna tournaments bejnietna u dejjem kien ikun hemm ħafna mill-ħbieb tiegħi imorru jilgħabu il-futbol peress li l-Youth Centre ta’ Santa Venera li kont nattendi jien kellu grawnd ukoll. Pero jien kont nibqa’ dejjem ġewwa nilgħab it-table tennis kif naf mingħajr l-ebda coaching. Darba minnhom il-persuna li kienet inkarigata mill-Youth Centre kien qalli: “Ed, għalfejn ma tippruvax tidħol f’xi tournament li jorganizzaw il-Malta Table Tennis Association?” Minkejja li ili nilgħab dawn is-snin kollha, din il-ħaġa ma ninsiha qatt u għada stampa ċara sa llum fejn kont dħalt fl-U14 tournament, wasalt sal-finali u kont tliftha. Minn dak iż-żmien ‘l hawn tista’ tgħid qatt ma ħarist lura. Bdejt nattendi sessjonijiet ta’ taħriġ u eventwalment, bdejt nikkompeti tista’ tgħid f’kwalunkwe tournament li kienet torganizza il-Malta Table Tennis Association.

X’tikkummenta fuq l-aħħar esperjenza li kellkom barra minn Malta?

Bħala Topspin Table Tennis Academy, kull sena norganizzaw training camp barra minn Malta fis-sajf fejn riċentament konna organizzajnieh f’diversi pajjiżi fosthom Portugal u Spanja pero qisu għal dawn l-aħħar tliet snin għamilnieh ġewwa l-Greċja. Intellgħu grupp veru sabiħ fejn dejjem inkunu bejn 20 u 25 student. Ikollna camp intensiv ħafna fejn isir 5 sigħat ta’ taħriġ kuljum; ikun imqassam fuq ġimgħa u jispiċċa b’tournament li huwa xi ħaġa li l-plejers ikunu qed jistennew bi ħġarhom. Dawn il-camps huma tajbin ħafna kemm mill-aspett tal-logħba biex kulħadd itejjeb il-livell tiegħu kif ukoll bħala team building fejn jgħinu biex kulħadd jingħaqad u jiġbed ħabel wieħed.

Kif tqis il-livell tat-table tennis f’pajjiżna?

Għal dawn l-aħħar snin, il-livell ta’ table tennis ġewwa pajjiżna għamel kambjament qawwi. Minn mindu infetħu l-akkademji ġewwa Malta, qed isir xogħol siewi ħafna u permezz t’hekk, kull akkademja qed tipproduċi plejers ta’ ċertu livell. Dan żied kemm il-kwantita ta’ plejers fejn illum il-ġurnata ikun hemm tournaments li jiġu organizzati mill-Malta Table Tennis Association għal diversi age groups u li qed jattrattaw ammont sostanzjali ta’ parteċipanti kif ukoll bħala kwalita ta’ plejers fejn permezz tal-akkademji, kulħadd jista’ jiffoka fuq il-plejers tiegħu billi mhux biss isirilom taħriġ frekwenti iżda wkoll jingħatawlom possibilitajiet li anke jsiefru barra minn Malta. Ovjament, il-livell f’pajjiżna meta kkumparat ma’ pajjiżi oħrajn fejn xogħolhom huwa biss it-table tennis jibqa’ limitat u b’hekk, sfortunatament għadna fuq livell tista’ tgħid amateur. Pero, meta tikkumpara mal-livelli tal-Pajjizi ż-Żgħar, għandna livell pjuttost għoli.

Iddeskrivi l-irwol tiegħek bħala kowċ, u dan kemm hu differenti milli tkun plejer?

B’din il-mistoqsija inħossni kunfidenti u fl-istess ħin ixxurtjat li l-ewwel kelli karriera twila bħala plejer fejn kif għidt iktar kmieni bdejt ta’ età żgħira nikkompeti lokalment bl-għan li nsir Champion ta’ Malta. Irnexxieli nsir sitt darbiet National Juniors Champion u tmien darbiet National Seniors Champion. Biex wasalt għal dawn l-unuri, kien hemm commitment u sagrifiċċji kbar fejn kont nittrenja sitt darbiet fil-ġimgħa. Kont ixxurtjat li l-papa tiegħi kien ukoll dilettant u kont nilgħab miegħu regolarment; kelli ukoll lil ħija fejn kellna mejda d-dar u ma kontx nieqaf nipprattika.

Apparti li kkompetejt lokalment, ħadt sehem f’ħafna kompetizzjonijiet internazzjonali bħall-Kampjonati tad-Dinja, Kampjonati Ewropej, u l-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar. Permezz tat-table tennis, tista’ tgħid dort ammont sostanzjali mid-dinja fejn dawn l-esperjenzi mhux biss għenuni nġib il-kunfidenza iżda rajt u kont madwar ħafna plejers ta’ livell fenomenali li imbagħad meta ġejt lura Malta, stajt ngħin aktar minn qatt qabel lill-istudenti li ngħallem kif qed nagħmel bhalissa. Minn dawn l-esperjenzi tul il-karriera tiegħi, insibu ta’ vantaġġ kbir li meta nkun qed nikkowċja, inħoss eżatt il-plejer minn xhiex ikun għaddej; kemm l-emozzjonijiet tiegħu u anke ċertu żbalji tiegħu għax affarijiet li nkun għaddejt minnhom jien stess. Nifhem li meta plejer jiġi biex jikkompeti, ikun sensittiv u jkollu ċertu pressure; hawn xi ħaġa li jiena b’kunfidenza nista’ ngħid li nista’ ngħin 100% lil dak li jkun għax nerġa’ ngħid xi ħaġa li jiena esperjenzajta għal snin twal.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Illum il-ġurnata qed nikber anzi nħossni kbirt mill-aspett li nikkompeti bħala plejer. Bqajt nilgħab fl-Ewwel Diviżjoni pero nilgħab biex inżomm ruħi attiv u għax nieħu pjaċir nilgħab. Il-viżjoni tiegħi għall-futur hi li nara plejers, b’mod speċjali dawk li jkunu bdew miegħi minn tista’ tgħid livelli fejn lanqas kienu jafu jżommu racket jimpruvjaw pass wara pass. Saħansitra għandi plejers li tellajtom jien stess u llum il-ġurnata qed jirrappreżentaw lill-Malta f’kompetizzjonijiet importanti ħafna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-table tennis.

Il-ġenerazzjoni tal-lum sfortunatament tevolvi madwar l-użu tat-teknoloġija bħal mowbajls u tablets li mhux qed ngħid li huma ħżiena imma ovjament l-importanza tal-attività fiżika għandu jiġi enfasizzat iktar f’pajjiżna; mhux table tennis biss iżda kwalunkwe sport. Bħala table tennis imbagħad li hu l-iktar sport għal qalbi, għandek is-sabiħ tiegħu li huwa sport individwali fejn iktar ma taqdef waħdek iktar tista’ tirnexxi. Illum hawn ħafna opportunitajiet fejn jistgħu jmorru training camps u kompetizzjonijiet barra minn Malta. Messaġġ pożittiv min-naħa tiegħi hu li qatt ma trid taqta’ qalbek u dejjem għandek iżżomm saqajk mal-art. Ir-riżultati jiġu imma l-ewwel trid titgħallem titlef biex tirbaħ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport