Monday, December 9, 2024

“Irnexxielna nsiru storja ta’ suċċess ekonomiku”

Il-PM: Għandna l-ħiliet u kredenzjali biex dan il-pajjiż niħduh għal-livell li jmiss

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għandna raġun bil-qawwi biex inkunu kburin li minflok dak li kienu bassru l-esperti 60 sena ilu, irnexxielna nsiru storja ta’ suċċess ekonomiku”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fejn sostna wkoll li dan il-Gvern għandu l-ħiliet u kredenzjali biex jieħu lil dan il-pajjiż fil-livell li jmiss.

Huwa nnota li fl-2013 kellna fenomenu tal-pjaga tal-qgħad filwaqt li llum għandna sitwazzjoni ta’ “full-employment”. Qal ukoll li rajna pajjiż u ekonomija diversifikata li rnexxielha tiflaħ għax-xokkijiet kull meta ġew fosthom waqt il-pandemija u sussegwentement bil-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.

Il-Prim Ministru tenna li għandna biex niftaħru li l-ekonomija ta’ pajjiżna hi waħda mill-aqwa fl-Ewropa u rridu nibqgħu nwettqu bidliet li bihom inkomplu nikkonsolidaw u nsaħħu s-suċċessi miksuba. Qal li għandna mudell ekonomiku li ħadem u qed jaħdem tajjeb iżda rridu dejjem naġġornawh biex naslu għall-qabża fil-kwalità li jmiss.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-budget li ppreżenta dan il-Gvern f’nofs il-leġiżlatura ma kienx wieħed ta’ piżijiet kif kien jagħmel ħaddieħor. Dan kien budget li jagħti lill-familji, l-istudenti, il-pensjonanti, in-negozji u lil kull faxxa tas-soċjetà, serħan il-moħħ u dak is-sens ta’ stabilità u direzzjoni li se jibqgħu jaħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità.

“Mhux talli lanqas biss introduċejna xi taxxa wada ġdida, talli l-piż tat-taxxi naqqasnieh b’140 miljun ewro. Għalhekk dan huwa budget li gawda minnu kulħadd, li jenfasizza wkoll il-middle class,” kompla jgħid Dr Abela.

Huwa żied jgħid li “konna fost il-pajjiżi li rnexxielna nikkontrollaw iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u konna minn tal-ewwel li rnexxielna nerġgħu nirreġistraw tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni. Ħdimna konsistentement biex nindirizzaw dan il-fenomenu. Introduċejna l-iskema Stabilità. Żammejna stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Irreaġixxejna billi konna ġenerużi mal-poplu u ħloqna mekkaniżmu biex jilqa’ kontra l-għoli tal-ħajja distint minn dak tal-COLA. Dak huwa mekkaniżmu li se nżommuh fis-seħħ u bih se nibqgħu ngħinu lill-familji.”

Il-Prim Ministru semma kif dan il-budget kellu element primarju, fejn minbarra l-pataflun ta’ inċentivi li fih, qed iħares mhux biss lejn l-isfidi tal-preżenti iża wkoll lejn il-bidliet li jeħtieġ li jagħmel il-pajjiż biex ikollna għada aħjar. Budget li jniedi viżjoni ta’ fejn irridu mmorru.

“Aħna konna kapaċi nressqu budget li bih nagħtu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum u li jindirizzaw ir-realtajiet tan-nies. Ħaddieħor espert f’ħaġa – il-populiżmu. Jelenkaw x’inhuma l-isfidi u jieqfu hemm. Qas tkun taf fejn qiegħda l-Oppożizzjoni. Aħna għax imnebbħin b’sens ta’ mħabba lejn pajjiżna, nagħrblu, nikkonsultaw, niddeċiedu u fuq kollox nimplimentaw.”

Għalhekk id-deċiżjoni li ntellqu l-proċess li bih qed titfassal Viżjoni Malta 2050 biex fi kliem il-Prim Ministru nevolvu s-setturi ta’ pajjiżna lejn dawk ta’ valur miżjud li jkun dejjem wieħed aktar għoli u setturi li jkunu dipendenti fuq inqas numru ta’ ħaddiema.

Żied isemmi kif se jkunu varati regolamenti ġodda fejn jidħol l-ipproċessar tal-permessi tax-xogħol għall-ħaddiema barranin. Dan permezz ta’ Labour Migration Policy li se tkun qed tiġi mfassla u implimentata, li diġà għandha l-approvazzjoni tal-Kabinett u issa jmiss li tgħaddi quddiem l-MCESD. Politika li fis-sustanza tagħha se tiffoka fuq il-ħiliet u l-aspett li fis-suq tax-xogħol jidħlu biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa fl-ekonomija tagħna.

Dwar l-aspett ambjentali, il-Prim Ministru qal li f’dan il-budget qed ikunu investiti €70 miljun fi spazji ħodor u miftuħa. Is-sena d-dieħla se jiġu inawgurati 19-il proġett ġdid ta’ spazji ħodor u miftuħa. Din il-ġimgħa se jiġi inawgurat Ġnien Spencer, 11-il tomna ta’ spazju miftuħ fil-Marsa.

Tkellem ukoll dwar is-saħħa mentali li qal li hija tema li rridu nitrattawha b’serjetà u b’attenzjoni kbira. Qal li l-budget jalloka lil hinn minn erba’ miljun ewro f’servizzi ta’ outreach, li jkunu aktar aċċessibbli fill-komunitajiet tagħna.

Fost miżuri oħra li għamel referenza għalihom il-Prim Ministru hemm dawk li jolqtu liż-żgħażagħ fejn se jingħata sitt xhur gym membership b’xejn għal min twieled bejn l-2005 u l-2007. Barra minn hekk, se jkompli jingħata aktar appoġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.

“Dan huwa Gvern li jisma u joffri s-soluzzjonijiet. Dan il-pajjiż għandu 2 miri ewlenin. Minn naħa rridu nsarrfu l-progress ekonomiku f’ġid aħjar għall-familji. Nemmen li rridu noffrulhom kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar. Min-naħa l-oħra rridu nsaħħu l-produttività u l-kompettitività tagħna. Ninvestu ħafna iżjed fir-riċerka u l-inovazzjoni. Nemmen li l-budget jindirizza sew dawn il-miri. Budget li kkombinat fuq is-saħħa u l-edukazzjoni waħdu… se jinvesti ‘l fuq minn 2 biljun ewro.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li jinsab konvint li l-bidliet li se jkunu qed jitwettqu se jkunu qed jinħassu b’mod pożittiv. “Is-sigurtà ekonomika rridu nibqgħu naħdmu għaliha. Imma issa rridu nsarrfu l-progress ekonomiku li ksibna f’aktar kwalità tal-ħajja u dan b’mod tanġibbli.”

Bernard Grech jgħid li hemm bżonn il-bidla

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddikjara li l-poplu jimxi ‘l quddiem meta jkollu Gvern li huwa ffukat fuq id-direzzjoni l-ġdida li għandu bżonn il-pajjiż. “Mudell ekonomiku li ma jkunx ibbażat fuq il-kwantità imma fuq il-kwalità.”

Dr Grech qal li għalhekk hemm bżonn il-bidla għaliex il-poplu issa fehem li dan huwa Gvern ta’ “se nagħmlu hekk u se nagħmlu hekk” u tal-PRs u l-filmati. Saħaq li l-poplu “ma jiflaħkomx aktar għax fehem li tirrappreżentaw biss dik il-klassi speċjali ta’ politiċi li tagħmlu li tridu.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport