Sunday, November 24, 2024

IRRIDU MĦABBA U MHUX MIBEGĦDA

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija, erġajna assistejna għal oxxenità oħra tal-mistħija. Hija tal-mistħija għaliex kien hemm min inqeda b’velja ta’ mħabba li dawwarha f’attività politika li fi tmiem il-velja wrew għalfejn fil-fatt kienu hemmhekk. Kienu hemmhekk dawn bil-ħsieb ewlieni li jattakkaw b’kull mod lill-Gvern Laburista u saħansitra mhux biss għajru u insulentaw lill-Prim Ministru imma wkoll kien hemm min saħansitra waddab il-fliexken fid-direzzjoni tiegħu. 

Possibbli li wħud mill-Maltin tilfu kull sens ta’ ċiviltà? Possibbli għad hawn min li lest li jiżvoga b’mod aggressiv is-sentimenti tiegħu, anke dawk politiċi? Possibbli l-Partit Laburista fil-Gvern lest li joqgħod għal dawn l-affarijiet ta’ aggressjoni kollha kontra tiegħu? 

Aħna konna qed nemmnu bis-sħiħ li l-velja kellha tkun waħda verament sejħa ta’ mħabba. Ta’ dan apprezzajna din l-inizjattiva tal-familja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li l-iskop li organizzaw il-velja kien dak li tixxerred l-għaqda u l-imħabba fost il-Maltin u l-Għawdxin, mingħajr distinzjoni jew kulur politiku.

Iżda li kien hemm l-insulti u l-aggressjoni huwa fatt li seħħ. Tant li omm l-istess Jean Paul ħtiġilha li tiddistakka ruħha minn dak kollu li sar fil-konfront tal-Prim Ministru. B’danakollu, il-parteċipazzjoni ta’ wħud dehrilhom li l-velja kellha tinbidel f’dimostrazzjoni ta’ insulti, ta’ konfront u aggressjoni. U mhux ftit kienu dawk li tkażaw b’dan l-aġir xejn mistenni jew mistħoqq. 

Il-Prim Ministru baqa’ sa tmiem il-velja fl-uffiċċju tiegħu b’rispett lejn il-familja ta’ Jean Paul Sofia u ta’ dawk kollha li attendew u ddeċieda li joħroġ mill-bieb ewlieni ta’ Kastilja sabiex ħadd ma interpretah li pprova jinjora lill-folla li kienet qiegħda tieħu sehem fil-velja. 

Iżda dan l-aġir ġentlom tal-Prim Ministru ma niżilx tajjeb ma’ xi wħud li marru jiġru warajh biex ikollhom l-okkażjoni li jfajrulu kliem mhux xieraq. Aħna nikkundannaw aġir ta’ din ix-xorta fil-konfront ta’ kulħadd, aktar u aktar fil-konfront ta’ persuna li għandha l-ogħla kariga fit-tmexxija tal-pajjiż, ċioe l-Prim Ministru. 

Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-libertajiet tal-bniedem, anke fid-dritt li n-nies jinġemgħu biex isemmgħu leħinhom f’ċirkostanzi li ma jkunux jaqblu ma’ xi deċiżjonijiet. Imma li dawn jiddawru b’mod politiku partiġġjan għall-aħħar, dak la nistennewh u wisq anqas naċċettawh li jsir.

Għalhekk nistennew li f’attivitajiet bħal dawn, fejn ikun hemm suspett li dawn b’xi mod jistgħu jiddawru f’ballun politiku, ninsistu li għandu jkun hemm il-forzi tal-ordni biex ċerti affarijiet ma jitħallewx isiru u min jaqbeż il-limitu, għandu jwieġeb u jħallas għal għemilu.

Sport