Monday, November 4, 2024

“Irridu niġġieldu l-problema taż-żgħażagħ u anzjani li ma jifilħux għall-prezzijiet tal-proprjetà”

- il-Grupp tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej

Aqra wkoll

“Ħafna ċittadini Ewropej biex isibu residenza affordabbli jew post diċenti fejn jgħixu hi problema kbira. Irridu niġġieldu biex tiġi megħluba din il-problema u naraw li nieqfu biex jidħol id-dritt li jkollok saqaf fuq rasek. Insejħu biex ikun hemm pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli. 

Insejħu għal riformi fir-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat u dan biex l-awtoritajiet nazzjonali jinvestu aktar fl-akkomodazzjoni. Dawk li llum qegħdin f’diffikultà fejn tidħol l-akkomodazzjoni fosthom żgħażagħ u anzjani, għandhom ikunu appoġġjati. Hemm bżonn jiddaħħlu miżuri kontra l-ispekulazzjoni u tkabbir qawwi f’dak li hu kiri ta’ appartamenti għal żmien qasir u kontra li proprjetà għall-akkomodazzjoni tispiċċa proprjetà ta’ investituri jew ta’ vulture funds. Għandhom jiddaħħlu regolamenti aktar iebsin għal akkomodazzjoni li titħalla vojta u għandha tiġi evitata l-privatizazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Għandu jkun hemm il-promozzjoni ta’ mill-inqas ta’ 30 fil-mija  tal-akkomodazzjoni affordabbli ġddia li tkun għal gruppi bi dħul baxx u 30 fil-mija oħra li jkunu għal dawk bi dħul medju”.

Din hi parti mir-riżoluzzjoni li ġiet adottata mill-Kungress tal-Partiti tas-Soċjalisti Ewropej, liema Kungress sar f’Malaga fi Spanja. Ir-riżoluzzjoni, li kif mistenni ma tagħmilx riferenza għal kunflitt bejn il-Palestina u l-Iżrael u dan għax kien hemm nuqqas ta’ qbil hekk kif is-Soċjalisti Ġermaniżi baqgħu iżommu iebes dwar riferenzi għal Iżrael u biex dan isegwi l-liġijiet internazzjonali.

Id-dikjarazzjoni tas-Soċjalisti Ewropew fiha 25 proposta progressiva fosthom dik li jkun hemm xogħol ta’ kwalità għal kulħadd, li jiġi miġġieled il-faqar,  u li l-enerġija tkun affordabbli għal kulħadd.

Id-dikjarazzjoni tisħaq ukol fuq it-tħaris tal-biodiversità, li kulħadd iħallas it-tassazzjoni, u l-kwalità tal-ħajja fl-ibliet u r-reġjuni.

Id-dikjarazzjoni tirreferi għal kunflitt fl-Ukrajna u tagħti l-appoġġ lill-Ukrajna kemm dak politiku, finanzjarju, umanitarju u anke militari. Issemmi li għandu jkun hemm sanzjonijiet iebsa kontra ir-Russja u li t-tribunal internazzjonali jinvestiga lir-Russja kontra l-krimini tal-gwerra.

Ir-riżoluzzjoni tħeġġeġ biex ikun hemm politika aktar b’saħħitha fejn tidħol id-difiża u s-sigurtà, u tagħti ukoll l-appoġġ lill-industrija tad-difiża Ewropea.

Sport