IL-BUDGET 2027 SE JIĠI PPREŻENTAT NHAR IS-26 T’OTTUBRU

“Nagħti garanzija ta’ ekonomija li tibqa’ sostenibbli u toħloq il-ġid għan-nies” - il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li l-Budget 2027 se jiġi ppreżentat fis-26 t’Ottubru li ġej. 

Huwa ħabbar din id-data waqt laqgħa ta’ diskussjoni li saret il-Ħadd fiċ-Ċentru Ċiviku tal-Fgura bit-tema “100 jum ta’ Gvern ġdid”.

F’din l-attività politika mtella’ mill-Partit Laburista, il-Prim Ministru ta wkoll garanzija li taħt dan il-Gvern, l-ekonomija se tibqa’ sostenibbli u tkompli toħloq il-ġid għan-nies.

Meta rrefera għas-sitwazzjoni ġeopolitika, il-Prim Ministru qal li “reġa’ għandna kriżi enerġetika li hi aktar qawwija u għal darb’oħra, dan il-Gvern se jerġa’ jkun qed iwieġeb billi jkun ta’ sostenn għall-poplu, għall-industrija, għas-settur tal-kummerċ, għal kulħadd.”

“Inħares il quddiem għall-Budget tas-26 t’Ottubru fejn fiż-żgur irridu nkunu realistiċi dwar il-qagħda internazzjonali. Imma allura fil-kuntest ta’ kriżi qalila tħalli lil poplu waħdu? Jew tkun ta’ tarka akbar madwar il-poplu tiegħek biex il-piż ma tixħtuh fuq l-ispallejn ta’ min jiflaħ l-inqas?”.

“Inħares ’il quddiem fejn fl-isfond tal-qagħda ġeopolitika, aħna nibqgħu nkunu dak il-Gvern b’politika ekonomika progressiva, li tgħid LE għall-awsterità, li tibqa’ ssostni li kull wieħed waħda minnkom, lill-pensjonanti, liż-żgħażagħ, lil min jaħdem, li ttejjeb il-qagħda tal-ħaddiema kollha ta’ dan il-pajjiż, li żżomm il-fiduċja f’kull min jagħżel li jinvesti f’pajjiżna,” qal il-Prim Ministru.

“Wasal il-mument li nwettqu r-riforma fis-settur ġurnalistiku”

Fil-bidu tad-diskussjoni, il-Prim Ministru semma’ kif it-tisħiħ tas-settur ġurnalistiku kien wieħed mill-punti li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen għamlet referenza għalih f’komunikat li kellha miegħu fis-sigħat li għaddew.

Dr Abela stqarr li r-riforma f’dan is-settur ilha abbozzata u mfassla u li issa wasal iż-żmien li titwettaq. Qal li din se tkun fuq quddiem nett illi t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ġurnalisti, wara l-ħafna li diġà sar, ikun fil-prijoritajiet ta’ dak li se jiġi implimentat. 

“Mhux billi nagħmlu sarima ġdida ma’ ħalq il-ġurnalisti. Kif ried il-Kap tal-Oppożizzjoni. Se nkunu ċari u trasparenti però din hi riforma li se titwettaq fil-futur qarib,” tenna l-Prim Ministru.

Dwar il-verdett fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, il-Prim Ministru nnota r-risposta tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, illi huwa kruċjali, u hekk temmen li għandha tkun it-triq ’il quddiem, illi nistennew is-sentenza tal-Qorti tal-Appell preseduta minn tliet Imħallfin fosthom il-Prim Imħallef. 

Huwa kompla jgħid li l-President tal-KE għamlitha ċara wkoll li għandha rispett sħiħ lejn l-indipendenza tal-Qrati. “Dik għalija hi t-triq ’il quddiem. L-għaqal jitlob il-kawtela. Il-kawtela titlob li verament inħallu l-istituzzjonijiet tagħna jagħmlu xogħolhom b’mod indipendenti.”

“Għandi fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet kollha ta’ dan il-pajjiż. Jien mgħallem li r-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja f’każijiet bħal dawn titlob il-prudenza u l-kawtela u nieħu pjaċir nara li kemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea u jien bħala Prim Ministru kompletament allinjati fuq l-istess pożizzjoni,” tenna Dr Abela.

Il-Prim Ministru kompla billi rrefera għall-ħemel ta’ riformi li saru fil-qasam tal-ġustizzja, filwaqt li għamel aċċenn partikolari għall-bidla li saret fil-mod ta’ kif tinħatar il-ġudikatura kif ukoll għat-tibdil fil-ħatriet tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija.

“Komplejna nżidu r-ritmu tagħna”

F’kummenti oħra, Dr Abela rrikonoxxa li filwaqt li komplew jiżdiedu l-isfidi wara dak li telqu bih 100 ġurnata ilu, dan il-Gvern wieġeb billi kompla jżid ir-ritmu tiegħu. Dan anke fil-kuntest tal-ħidma li qed issir fuq l-aktar manifest elettorali ambizzjuż u allaċċjat miegħu l-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050. 

Il-Prim Ministru insista li “min l-aktar għandu bżonn ix-xibka soċjali tal-Istat, inkunu aħna li nimbuttawh ’il fuq. Aħna kollha għandna prinċipji soċjalisti. Li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura. Li t-tkabbir ekonomiku f’hekk irid jissarraf.”

Semma’ fost oħrajn l-investiment ta’ €22 miljun li qed isir fi skola primarja ġdida fin-Naxxar. Barra minn hekk, huwa qal li diġà ngħataw aktar minn 1,400 multa on the spot u jħares ’il quddiem lejn aktar riformi anke f’dan il-qasam. 

Fil-kummenti konklussivi tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal: “din kienet diskussjoni interessanti. M’hemmx suġġett li huwa iżolat minn ieħor. Li biex issaħħaħ is-sigurtà fil-lokalitajiet, il-preżenza tal-forzi dixxiplinati, trid torbot ma’ li ssaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-forzi dixxiplinati ta’ pajjiżna. Illi l-esperjenza li jkunu akkumulaw membri tal-korpi dixxiplinati ma tintemmx malli jagħlqu 25 sena servizz. Imma biex lil dak li jkun, b’mod volonarju u bir-riedu tiegħu, tagħtik inċentiv b’saħħtu li jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu.”

Dr Abela semma wkoll ir-rabta li hemm bejn il-konnettività u s-saħħa, u ġab bħala eżempju l-Helipad f’Għawdex biex tqassar il-ħin ta’ traġitt għal pazjent li jkun jeħtieġ traġitt bejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal Malta. 

Huwa ma naqasx milli jirreferi wkoll għall-proġett tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-bidu tal-bini ta’ sptar ġdid f’Mater Dei għall-kura tas-saħħa mentali. “Wegħedna li se nibdew ix-xogħol u dak ix-xogħol beda f’Awwissu li għadda,” qal il-Prim Ministru. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport