Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li għall-ewwel darba fl-istorja tal-PN, l-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni se jmur fil-Belt Valletta. Dan sabiex fi kliemu jkun aktar qrib in-nies.
Huwa ħabbar dan meta lbieraħ kien qed jindirizza mass meeting tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana.
Dr Borg qal ukoll li se jinħoloq statut totalment ġdid għall-Partit Nazzjonalista. Statut li sostna li se jkun wieħed prattiku u dinamiku, u li jagħtihom il-libertà li jagħmlu r-riformi u bidliet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista tenna jgħid li wara l-elezzjoni rabba aktar kuraġġ biex jaħdem.
Sadanittant, Dr Borg tkellem dwar ix-xogħol tal-ġurnalisti li qal li għandu valur kbir. Qal li jirrispetta l-fatt li jaf ikun hemm artikli li jattakkawh jew li ma jaqbilx magħhom.
Lill-ġurnalisti qalilhom: “fejn hemm bżonn tikkritikawni, ikkritikawni. U jien inwegħedhom li se nissalvagwardjahom anke meta ma naqblux.” Dr Borg tenna li “l-ġurnaliżmu ħieles huwa parti essenzjali mid-demokrazija”.
