Sunday, October 27, 2024

IS-60 SENA TAL-INDIPENDENZA

Aqra wkoll

Il-ġrajja li seħħet 60 sena ilu, meta Malt kisbet l-Indipendenza, taqbel jew ma taqbilx magħha kienet l-ewwel pass tanġibbli lejn l-emanċipazzjoni kostituzzjonali u politika tal-poplu Malti.

Kienet ġrajja li wasslet biex pajjiżna mhux biss jitlaq mill-monarkija Ingliża bħala l-Kap tal-Istat imma wkoll li jeħles minn kull irbit militari li kellu dak iż-żmien. Fl-okkażjoni tas-60 anniversarju, huwa tajjeb li nirriflettu dwar il-vera tifsira tal-Indipendenza għal Malta u għall-Maltin.

Kemm iż-żgħażagħ huma konxji ta’ dak li seħħ f’din il-ġrajja storika ta’ 60 sena ilu u x’rilevanza politika u ekonomika kellha u kif wasal għaż-żmien tal-lum? Dawn huma mistoqsijiet li jitqanqlu minn żmien għal żmien.

U huwa għalhekk importanti li żżgħażagħ tal-lum, ikunu konxji tal-ġlidiet li pajjiżna kellu jagħmel biex wasal fejn jinsab illum. Kif qalet il-President tar-Repubblika, il-poplu kollu għandu jirrispetta u jirrikonoxxi l-valur ta’ kull festa nazzjonali, li bla dubju s-sinifikat ta’ kull waħda minnhom hija l-għaqda fost il-poplu.

Dan għaliex kif stqarret il-President, il-ġejjieni li rridu nibnu flimkien għal dawk li ġejjin warajna huwa f’idejna. Dan ifisser illi l-ġejjieni huwa responsabbiltà tagħna u huwa d-dmir ta’ kulħadd li l-ġenerazzjonijiet futuri ngħaddulhom pajjiż
sod fil-prinċipji li nemmnu fihom, u pajjiż li jfittex is-sliem u l-prosperità.

Għalhekk, it-twittija tat-triq biex dan iseħħ illum hija f’idejna u tiddependi fuq id-deċiżjonijiet li għad irridu nieħdu. Nafu li t-triq mhijiex waħda faċli imma konvinti li bl-għaqda lkoll flimkien naslu biex negħlbu kull sfida li tinqalgħalna bħala poplu sovran.

L-għaqda hija xi ħaġa li pajjiżna għandu tant bżonn, kif wara kollox stqarrew kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. Dan nemmnuh bis-sħiħ għaliex bl-għaqda fost il-poplu, pajjiżna jista’ jkompli jkattar il-ġid li jwassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar trankwilla milli kellu fis-snin l-imgħoddija.

Pajjiżna llum huwa sovran għax indipendenti, repubblikan u ħieles. U għalhekk jeħtieġ li bħala poplu nkomplu niddefendu dawn il-kisbiet u ma nħallux lilna nfusna li niġu mkaxkra lejn xi naħa jew oħra f’xi kunflitt.

Għalhekk aħna għandna, mhux biss din is-sena imma wkoll fis-snin li ġejjin, inkomplu nibżgħu għan-newtralità u naħdmu biex is-sliem isaltan kullimkien, aktar u aktar fir-reġjun tal-Mediterran li ninsabu fih.

Sport