L-IMPORTANZA TAT-TURIŻMU F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Il-Jum Dinji tat-Turiżmu, li jiġi ċċelebrat kull sena fis-27 ta’ Settembru, huwa mument importanti biex wieħed jirrifletti fuq is-sinifikat li għandu s-settur turistiku għall-ekonomija, għas-soċjetà u għall-identità ta’ pajjiżna. Għal pajjiżna, it-turiżmu huwa settur li għandu rwol importanti fil-ħolqien tal-ġid u tal-opportunitajiet ta’ xogħol, filwaqt li jgħaqqad flimkien numru kbir ta’ setturi oħra tal-ekonomija.

Il-wasla tat-turisti f’pajjiżna tfisser attività għal lukandi u akkomodazzjonijiet turistiċi, ristoranti, ħwienet, trasport, operaturi turistiċi, għaqdiet kulturali u ħafna negozji żgħar u medji. Għalhekk, meta nitkellmu dwar it-turiżmu, ma nkunux qed nitkellmu biss dwar in-numru ta’ viżitaturi li jaslu Malta, iżda wkoll dwar l-opportunitajiet ekonomiċi li jinħolqu għall-ħaddiema, għall-familji u għan-negozji Maltin.

F’dan il-kuntest, nemmnu li huwa essenzjali li l-Gvern ikompli jinvesti f’turiżmu ta’ kwalità, b’viżjoni fit-tul u b’enfasi fuq esperjenza turistika li tkun sostenibbli u ta’ livell għoli. L-għan għandu jkun li Malta ma tkunx biss destinazzjoni li tattira numru kbir ta’ turisti, iżda pajjiż li joffri prodott turistiku li jħalli esperjenza pożittiva u li jinkoraġġixxi lill-viżitaturi jerġgħu jirritornaw.

Investiment kontinwu fl-infrastruttura huwa essenzjali sabiex il-prodott turistiku Malti jibqa’ kompetittiv. Dan jinkludi l-ispazji pubbliċi, it-toroq, it-trasport, il-kosta, il-bajjiet, iż-żoni turistiċi u l-faċilitajiet li jintużaw kemm mit-turisti kif ukoll mir-residenti. Fl-istess waqt, huwa importanti li l-investiment ikun akkumpanjat minn attenzjoni akbar għall-indafa, l-ambjent u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali.

Nemmnu li huwa omportanti wkoll li t-turiżmu ma jkunx iffukat biss fuq ix-xhur tas-sajf. Malta għandha l-potenzjal li tattira viżitaturi matul is-sena kollha permezz ta’ turiżmu kulturali, reliġjuż, edukattiv, ta’ konferenzi u avvenimenti. 

Fl-istess waqt, it-turiżmu għandu jiġi żviluppat b’mod li jirrispetta l-komunitajiet tagħna. It-tkabbir turistiku għandu jmur id f’id mal-ħarsien tal-ambjent, il-preservazzjoni tal-karattru tal-lokalitajiet tagħna u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. B’dan il-mod, is-settur jista’ jkompli jikber mingħajr ma jintilef dak li jagħmel lil Malta destinazzjoni unika.

F’dan il-Jum Dinji tat-Turiżmu, għandna napprezzaw il-kontribut ta’ dawk kollha li jaħdmu fis-settur u nħarsu lejn il-futur b’ambizzjoni li nkomplu ntejbu l-prodott turistiku Malti. It-turiżmu ta’ kwalità huwa investiment f’Malta, fl-ekonomija tagħna, fil-ħaddiema tagħna u fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport