Sunday, November 24, 2024

Is-CAS ta’ Ħal Luqa magħluq għal ftit ħin b’azzjoni industrijali tal-GWU

Aqra wkoll

Dalgħodu ċ-Ċentru tal-Iskart Goff ta’ WasteServ ingħalaq għal ftit tal-ħin wara li l-GWU kienet kostretta tieħu azzjoni industrijali.

Il-ħaddiema li jaħdmu fiċ-Ċentri tal-Iskart Goff qegħdin jintalbu biex jilbsu qliezet twal minkejja s-sħana li qiegħda taħkem lill-pajjiżna.

Dalgħodu tnejn mill-ħaddiema ta’ dan is-sit marru f’kantuniera u xamru ftit il-qalziet sa taħt l-irkoppa biex itaffu ftit mis-sħana. Jirriżulta li s-superju tagħhom rahom jagħmlu dan u b’mod immedjat ħarġilhom twissija bil-miktub.

L-istess ħaddiema għamlu kuntatt ma’ Kevin Abela, Segretarju tat-Taqsim Ikel u Ospitalità tal-GWU li mill-ewwel mar fuq il-post u ordna lill-ħaddiema biex iwaqqfu l-operat u jingħalaq iċ-Ċentru sakemm jiġu rtirati t-twissijiet.

Il-maniġment ftit tal-ħin wara irtira dawn it-twissijiet u għalhekk il-GWU waqqfet l-azzjoni industrijali.

F’kumment li ta s-Segretarju tat-Taqsim Kevin Abela lil dan is-sit qal li “wara t-taħdidiet li saru, il-GWU tinsab diżappuntata li l-ħaddiema xorta waħda qegħdin ikunu sfurzati jilbsu dawn il-qliezet u dan abbażi ta’ rapport intern li sar mid-Dipartiment tas-Saħħa u Sigurtà tal-WasteServ li sar biss fis-16 ta’ Lulju mingħajr ebda konsultazzjonijiet mat-taqsim.”

Is-Segretarju tal-GWU Kevin Abela jtenni li t-taqsima hija lesta għal kull diskussjoni biex tinstab soluzzjoni, iżda “fin-nuqqas ta’ qbil dwar din il-kwistjoni, mhux qiegħed jiġi eskluż li jkun hemm azzjonijiet u jkun interrot is-servizz.”

Sport