Thursday, March 28, 2024

Is-saga ġo San Andrea ’l bogħod mill-konklużjoni … L-istudenti qed ibatu l-konsegwenzi waqt il-brejk

… Tibqa’ tiżdied il-pressjoni biex ikun hemm bidla mill-għeruq fit-tmexxija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar minn persuna waħda li kienet tifforma parti mill-istaff tal-iskola San Andrea fl-Imġarr għażlu li jiftħulha dwar is-sitwazzjoni fit-tmexxija tal-iskola. Huma saħansitra tkellmu pubblikament dwar dak li kienu raw b’għajnejhom u allegaw dwar irregolaritajiet finanzjarji ta’ miljuni ta’ ewro mill-flus li l-parti l-kbira tagħhom jidħlu minn “donazzjonijiet” li huma miżati li jitħallsu mill-ġenituri u li jammontaw għal eluf ta’ ewro fis-sena. Skont dawn il-persuni l-iskola ma tistax tieħu r-ruħ qabel ma jkun hemm bidla radikali fit-tmexxija tagħha. F’ittra elettronika li għandu f’idejh dan is-sit – li fiha eks membru tal-bord fl-iskola msemmija kien bagħat, hemm rapport dettaljat fejn dan il-persuna qed jesprimi t-tħassib tiegħu mhux biss lill-bord tal-iskola iżda anke lil dak tat-trustees. 

Assistent Kap jagħżel li jitkellem … jispiċċa jkollu jirreżenja

F’April 2022 il-Prinċipal tal-iskola Stefania Bartolo li issa ilha ’il fuq minn tmien xhur li ssospendiet lilha nnifisha u mill-informazzjoni li għandna jidher li għadha qed tithallas il-paga sħiħa, kienet iddeċidiet li tati l-informazzjoni dwar irregolaritajiet finanzjarji lil żewġ assistenti Kapijiet tal-iskola. Wieħed minnhom kien iddeċieda li jgħaddi din l-istess informazzjoni li ingħatat minn Stefania Bartolo lil Alexander Tortell – li sa dak iż-żmien kien iċ-Chairperson tal-iskola. Skont dan l-istess assistent Kap, Alexander Tortell allegatament mhux talli ma ħax azzjoni biex issir ġustizzja, iżda kien ħadha qatta’ bla ħabel kontra dan l-isess assistent Kap bl-iskop li jeħles minnu talli allegatament kien kixef din l-informazzjoni. 

Minkejja dan kollu, il-bord ma kellu l-ebda alternattiva ħlief li jqabbad persuna biex twettaq inkjesta indipendenti kif ukoll lil PriceWaterhouseCoopers (PWC) biex jiċċekkjaw l-aspett finanzjarju. Ta’ min jinnota li dan wettquh sitt xhur wara li dak l-istess assistent Kap tal-iskola għadda l-informazzjoni lil Alexander Tortell. Dan tal-aħħar kellu jirreżenja u laħqet prinċipal fuq bażi interim bl-isem ta’ Jeanette Calleja Borg, li din ukoll spiċċat biex irreżenjat. 

Bidla li ma wasslet għall-ebda azzjoni fuq l-allegati irregolaritajiet finanzjarji…

Imma r-rapport x’kien jgħid? Fir-rapport dettaljat li kien bagħat eks membru tal-bord f’Ottubru 2021 huwa kien esprima tħassib dwar allegati irregolaritajiet finanzjarji serji, u dan fi żmien li Kevin Spiteri kien iċ-Chairperson. Din kienet intbagħtet lill-istess Kevin Spiteri – li llum dan temm it-terminu tiegħu fl-irwol. Allegatament dan hu l-istess persuna li Stefania Bartolo rreferiet għalih meta allegat li dan wettaq diversi irregolaritajiet finanzjarji li jammontaw għal diversi miljuni waqt li “fetħet qalbha” maż-żewġ assistenti Kapijiet tal-iskola msemmija aktar qabel.

L-ittra kienet intbagħtet ukoll lil Alex Tortell li kien laħaq Chairperson minflok Kevin Spiteri, lid-Deputy Chairperson li imbaghad spiċċa irreżenja, u persuni oħra li għadhom fil-bord sal-lum il-ġurnata li allegatament baqgħu ma wettqu xejn u ma ħadu l-ebda passi biex jindirizzaw it-tħassib tal-eks kollega tagħhom. It-tħassib jibqa’ kif dawn tal-aħħar jistgħu jibqgħu jżommu posthom fil-bord li l-iskop tiegħu huwa li jaħdem fl-aħjar interess tal-iskola. Dan kien intbagħat ukoll lill-membri tal-bord tat-Trustees li huwa ffurmat minn erba’ persuni li wkoll baqgħu ma ħadu l-ebda azzjoni.

Persuna mhux kwalifikata inkarigata mill-finanzi fl-istess perjodu…

Fl-istess rapport hemm allegat ukoll dwar ċertu Leanne Spiteri – li kienet ġiet inkarigata biex tieħu ħsieb il-finanzi tal-iskola minkejja – li skont dan l-eks membru ma kinitx kwalifikata biex timla dan l-irwol. Ninsabu infurmati li wara li ntbagħtet din l-ittra b’dan ir-rapport dettaljat mhux talli ma ġietx sospiża, iżda talli ngħatat post ieħor fl-istess skola.

Ġenituri fl-għama … minkejja eluf imħallsa, it-tfal fil-klassi waqt il-brejk

Ġenituri li tkellmu ma’ talk.mt qalu li ħadd ma jista’ jifhem kif minkejja li l-inkjesti (kemm dik tal-Magistrat u kif ukoll dik li wettqu l-PWC) huma lesti u ħarġu r-rapporti tagħhom, il-bord qed jitrateni milli jipprovdi dawn ir-rapporti (l-oriġinali) lill-ġenituri biex b’hekk ikunu trasparenti f’dak kollu li ġara b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet.

Il-grawnd tħalla mitluq wara allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet finanzjarji mill-eks Chairperson

Jinsabu ddiżappuntati għall-fatt li l-studenti fl-iskola sekondarja ġew imċaħħda milli jkollhom post ta’ rikreazzjoni u post fejn jitwettqu l-lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika. Dan għaliex il-grawnd tas-sekondarja hu kollu maqlugħ u ilu hekk matul din is-sena skolastika kollha. Dan kien inqala min-nies ta Kevin Spiteri u x-xoghol waqaf b’mod immedjat hekk kif bdew jiġu żvelati l-irregolaritajiet finanzjarji. Tajjeb ukoll li wieħed jinnota li parti mill-grawnd tal-iskola primarja huwa ikkundannat u għaldaqstant anki hawnhekk it-tfal qed jiġu mċaħħda. Waħda minn dawn il-ġenituri saħasitra qalet li l-istudenti qed jitħallew fil-klassi waqt il-ħin li fih tfal oħra f’istituzzjonijiet “normali” jkunu qegħdin igawdu l-brejk.

Il-grawnd kif kien qabel …

Il-ġenituri huma mħassba kif l-iskola tinsab f’din il-pożizzjoni meta huma jħallsu eluf kbar ta’ flus, u għalhekk dawn qed jistaqsu jekk l-iskola għandhiex flus biex jiġu investiti f’dawn il-ħsarat kurrenti. Ġenituri iddikjaraw magħna li m’għad fadlilhom l-ebda fiduċja fil-bord kollu inkluż fil-bord tat-Trustees u għaldaqstant dawn mhu qed jitolbu xejn ħlief li jkun hemm bidla radikali fit-tmexxija tal-iskola għall-ġid t’uliedhom.

Għalliema lesti jiċċaqilqu minħabba l-instabbiltà…

Mill-informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher ukoll li din is-sitwazzjoni se twassal għal diversi għalliema biex jiċċaqalqu matul is-sajf sabiex isibu post aktar stabbli b’ambjent seren kif jixraq li jkun hemm f’kull skola. Il-ġenituri qed jitolbu wkoll li jkunu jafu iswed fuq l-abjad x’inhi l-pożizzjoni tal-iskola u qed jesiġu li min aprofitta mill-finanzi tal-iskola jerġa’ jroddhom lura. 

“Affrontajna dan il-każ bl-aktar mod trasparenti u professjonali possibbli” 

“Bħala membri tal-bord ninsabu ffukati fuq il-futur tat-tfal tagħna u l-aħjar interess tal-iskola. Xogħolna huwa li nassiguraw li r-reputazzjoni tal-iskola ma tkun imminata minħabba l-azzjoni ta’ xi individwu jew individwi partikolari”. Iddikjara dan il-bord tal-iskola meta mitlub reazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet imsemmija fir-rapport li wasalilna.

Il-bord ikkonferma li f’Ottubru tal-2022, eks impjegat tal-iskola kien allega dwar xi irregolaritajiet – kemm finanzjarji kif ukoll oħrajn li mhumiex – fi żmien ċ-Chairperson Kevin Spiteri, il-prinċipal tal-iskola Stefania Bartolo u Alex Tortell li kien ġie magħżul biex jimla post Spiteri.

Rigward dawn l-allegazzjonijiet il-bord qalilna li kienet ittieħdet azzjoni fejn PriceWaterhouseCoopers kienu ġew ikkummissjonati biex jaħdmu rapport fattwali tas-sitwazzjoni u anke infetħet inkjesta indipendenti sabiex tindaga dwar dawn l-allegazzjonijiet fid-dettall.

Il-bord żied jgħid li d-dettalji ta’ dawn it-tnejn se jkunu qegħdin jiġu komunikati lill-ġenituri fil-ġimgħat li ġejjin u għalhekk jemmen li jkun imprudenti li jikkummentaw iżjed dwar is-sitwazzjoni għajr li skonthom affrontaw dan il-każ bl-aktar mod trasparenti u professjonali possibbli.

Minkejja din it-tweġiba, il-bord baqa’ ma ta l-ebda kummenti rigward l-allegazzjonijiet tal-ġenituri rigward is-sitwazzjoni ta’ tfal li qed ibatu minħabba li grawnd kien inqala fi żmien Spiteri u tħalla għal riħu wara l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u dwar parti mill-bitħa tal-primarja li tinsab ikkundannata u li qed twassal biex l-istudenti mhux biss ma jkollhomx lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika, imma jkollhom saħansitra jqattgħu l-brejk fil-klassi.

Ekonomija

Sport