Monday, December 23, 2024

Is-sena tal-vaċċin… ħidma kontinwa kontra l-virus tal-Covid-19

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġiet fi tmiemha sena oħra. Sena li reġgħet kienet iddominata mill-pandemija tal-Covid-19. Iżda mhux biss. Dan hekk beda jingħata l-vaċċin lill-popolazzjoni adulta, li offra t-tama li nistgħu mmorru lura għal dik li hi normalità, naqqas ir-riskju taż-żieda fl-infezzjonijiet u salva l-ħajjiet ta’ ħafna persuni. 

Meta waslu f’pajjiżna l-ewwel dożi tal-vaċċin, jiġifieri lejn l-aħħar ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, dawn bdew jingħataw minnufih lil dawk kollha li jinsabu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija fosthom il-ħaddiema tas-saħħa, lill-persuni anzjani li għandhom ‘il minn 85 sena jew aktar u lir-residenti fid-djar tal-anzjani.

Imbagħad il-programm tal-għoti ta’ tilqim issokta b’ritmu tajjeb fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, biex seta’ jilħaq aktar kategoriji ta’ etajiet. Il-kawtela u l-importanza li wieħed jibqa’ jaderixxi mal-miżuri imposti kienu kruċjali f’dan il-perjodu. 

L-istrateġija li jiżdiedu l-miżuri f’dan il-perjodu filwaqt li ġie intensifikat l-għoti tal-vaċċin ħalliet ir-riżultati meħtieġa. Dak iż-żmien kienu ġew irreġistrati inqas infezzjonijiet imma iżjed importanti minn hekk inżamm stabbli l-ammont ta’ persuni li kellhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-bżonn ta’ kura minħabba l-virus.

Imbagħad f’Mejju li għadda, jiġifieri ħames xhur biss wara li f’pajjiżna beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19, Malta kisbet tragward importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija meta saret l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li laħqet il-herd immunity b’70% tal-adulti Maltin u Għawdxin kienu ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Coronavirus. Dan kien ifisser ukoll li t-trażmissjoni tal-virus f’Malta naqset b’mod drastiku. Dakinhar, 42% tal-poplu Malti u Għawdxi kien imlaqqam b’mod sħiħ kontra l-virus. 

Fil-ġranet ta’ wara kien imniedi wkoll ċ-ċertifikat tat-tilqim, li seta’ jitniżżel faċilment online u li assigura li ċertu attivitajiet jitħallew isiru b’mod iktar sigur. 

Permezz ta’ dan kollu u anke r-rata mgħaġġla ta’ tilqim, bdew jonqsu għadd ta’ restrizzjonijiet b’mod partikolari fix-xhur sħan tas-sajf. Sa Settembru li għadda, f’Malta kellna 92% tal-poplu eleġibbli li huwa mlaqqam kompletament kontra l-Coronavirus. Fl-istess xahar ukoll rajna kif l-iskejjel reġgħu fetħu l-bibien tagħhom biex jilqgħu l-istudenti għall-bidu tas-sena skolastika ġdida u dan skont il-protokolli stabbiliti.

Aktar ma kompla għaddej iż-żmien, iċ-ċirkostanzi wrew li kien hemm bżonn li tingħata doża addizzjonali u dan anke fid-dawl tal-fatt li skont studji li saru, l-immunità maħluqa tal-vaċċin tibda tonqos fost dawk li kienu minn tal-ewwel li tlaqqmu. 

Malta kienet ippreparata għal din l-eventwalità u minn nofs Settembru beda jingħata l-booster dose lill-anzjani residenti fid-djar tal-anzjani u lil dawk li huma “immuno-compromised.” 

Minn Novembru bdew jingħataw il-booster il-ħaddiema tas-saħħa, carers, spiżjara, għalliema u anke ħaddiema oħra fl-iskejjel. Apparti hekk, dawk ‘il fuq minn 60 sena rċevew l-appuntament tagħhom għall-booster.

Ġara iżda li l-pandemija madwar id-dinja reġgħet refgħet rasha f’dawn l-aħħar ġimgħat tas-sena 2021. Il-varjant Omicron li jidher li jinfirex iktar malajr minn varjanti oħra qed iwassal għal żieda kbira fil-każi ta’ Covid-19. 

Minħabba f’dan, reġġgħu bdew jiddaħħlu r-restrizzjonijiet f’diversi pajjiż madwar l-Ewropa inkluż f’Malta. Proprju fl-aħħar ġew ukoll irreġistrati l-ewwel każi ta’ Omicron f’pajjiżna.

Sadanittant, Malta ssoktat fil-programm tagħha tal-għoti tal-booster anke f’dan il-perjodu ta’ festi u bħalissa dawk kollha li għandhom aktar minn 18-il sena jistgħu japplikaw għall-booster.  

Huwa ta’ sodisfazzjon li tara ħafna Maltin qed jaċċettaw li jmorru jieħdu l-booster. Nemmnu li aktar ma jitlaqqmu nies, aktar inkunu nistgħu nersqu qrib in-normalità, li esperjenzajna ftit minnha anke f’din is-sena.

Għalhekk l-appell jibqa’ biex nieħdu ħsieb lil xulxin anke f’dawn il-jiem ta’ festi billi nsegwu l-miżuri li hemm fis-seħħ, nisimgħu minn dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa u tittieħed it-tilqima. 

Ekonomija

Sport