Wednesday, March 27, 2024

Is-sequel Avatar akbar mill-ewwel wieħed

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għal ġimgħa oħra, “Black Panther: Wakanda Forever” ma kellu ebda kompetizzjoni li tista’ theddu milli jżomm il-post fil-quċċata tal-box office Amerika fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.  B’hekk, mit-teatri Amerikani biss diġa kellu dħul ta’ $400 miljun.  Din is-sena tliet films biss qabżu ċ-ċifra ta’ $400 miljun ġewwa l-Istati Uniti.  Globalment, id-dħul hu ta’ $767.8 miljun li hu s-sitt l-għola mill-films kollha li ħarġu din is-sena.

Dan id-dominju ta’ dan is-sequel mhux mistenni jkompli għax il-Ġimgħa jiddebutta “Avatar: The Way of Water”.  Sal Ħadd, diġa inxtraw b’kemm jiswew $38.5 miljun għall-wirjiet li ser ikun bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd.  Mhux somma żgħira imma hemm ftit tad-diżappunt għax kien mistenni li r-rispons ikun akbar fix-xiri ta’ biljetti bil-quddiem. 

Kollox baqa’ l-istess ukoll bejn it-tieni u l-ħames post bil-films “Violent Night”, il-film animat tad-Disney “Strange World”, id-dark comedy “The Menu” u fil-ħames post film bijografiku dwar bdoti Amerikani nvoluti fil-gwerra tal-Korea, “Devotion”.

Il-film indipendenti u drammatiku “The Whale” li ħareġ f’numru żgħir ta’ teatri mar relattivament tajjeb.  Brendan Fraser jagħti nterpritazzjoni tajba fih u qed ikun kkunsidrat bħala favorit li almenu ikun innominat għal Oscar.

Bil-maqlub, “Empire of Light” maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Sam Mendes, ma ħalla ebda impatt pożittiv fuq l-udjenzi. 

Avatar: The Way of Water

Wara stennija ta’ 13-il sena, sa fl-aħħar wasal sabiex naraw is-sequel ta’ dak li hu l-film li kellu l-akbar suċċess fil-box office fl-istorja.  Jekk tgħodd id-dħul li kellu “Avatar” meta ħareġ fl-2009, l-ispecial edition tal-2010 u re-issues li kellu l-film oriġinali, inkluż waħda aktar kmieni din is-sena, “Avatar” kellu dħul li jammonta għal aktar min $3.3 biljun.  

Avatar The Way of Water 1

Il-mistoqsija li hi fuq fomm kulħadd hi: is-sequel “Avatar: The Way of Water” ser jirrepeti dan is-suċċess?  It-tweġiba neħduha fil-jiem li ġejjin.  Jekk ir-reazzjoni tal-kritiċi Amerikani u Ingliżi li diġa raw il-film nistgħu neħduha bħala indikatur, allura jidher li ser ikollna qasma fl-opinjoni.  B’mod ġenerali, l-kritiċi Amerikani kienu pożittivi u għollewh mas-sema.  Fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, il-kritiċi Ingliżi b’mod ġenerali wrew anqas entużjażmu.

Mingħajr dubju, id-direttur James Cameron għandu fid-DNA tiegħu kif jagħmel blockbuster li jiġbed miljun ta’ nies lejn is-swali taċ-ċinematografu.  Il-film hu twil 3 sigħat u 10 minuti.  

Dan is-sequel mill-ewwel jinħass li aktar hu ffukat fuq il-karattri milli fuq l-istorja.  Jake Sully (Sam Worthington) u Neytiri (Zoe Saldaña) huma ġenituri li jridu jipproteġu l-familja tagħhom minn theddida ġdida għal Pandora.  Għalhekk Jake u armata magħmula mir-razza tan-Na’vi għandhom battalja x’jiġġieldu biex isalvaw il-pjaneta tagħhom.

“Avatar: The Way of Water” jibda jiżviluppa bil-mod biex imbagħad it-tieni parti hi spettakolati fl-azzjoni bil-parteċipazzjoni tal-kreaturi li jsawru narrattiva intrinsika.

Il-kast jinkludi ukoll lil Sigourney Weaver fil-parti ta’ Kiri, li tiġi adottata mill-ġenituri Sully.  Il-preżenza ta’ din l-attriċi hi ftit kurjuża għax Sigourney Weaver kienet fl-ewwel film imma fil-parti ta’ Dr. Grace Augustine, li tkun persuna umana li żżomm man-Na’vi u tispiċċa maqtula fil-kunflitt. Billi l-film fih ħafna xeni taħt l-ilma, din l-attriċi kellha titgħallem tgħodos u żżomm in-nifs taħt wiċċ l-ilma.  Viżwalment, il-film isaħħrek bix-xeni ta’ taħt wiċċ l-ilma tal-baħar.

Zoe Saldana ħadmet xeni fejn kellha żżomm in-nifs għal ħames minuti taħt l-ilma.

Aktar diffiċli dak li kellha x’tagħmel Kate Winslet fil-parti tal-għaddasa fil- Metkayina u jisimha Ronal. Jingħad li f’xena minnhom, Kate Winslet żammet in-nifs għal 7 minuti u 14-il sekonda biex kisret ir-rekord ta’ kemm attur idum iżomm in-nifs taħt l-ilma.  Qabel ir-rekord  waqt filming kien f’idejn Tom Cruise li dam sitt minuti u 50 sekonda għall-film “Mission: Impossible: Rogue Nation”.  

“Avatar: The Way of Water” mhux mistenni jkun l-aħħar wieħed.  Almenu sal-2028, ser ikollna tlieta oħra: wieħed kull sentejn.  “Avatar 3” diġà qieghed fl-istadju ta’ post-production u mistenni jkun fit-teatri fl-20 ta’ Diċembru 2024.  Diġa beda x-xogħol fuq “Avatar 4” u “Avatar 5”.

“Avatar: The Way of Water” ġie jiswa $350 miljun.

Dan il-film ġie kklassikat 12A (persuni taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih vjolenza moderata, theddid, dettal fuq persuni li jiġu feruti, u xi ftit lingwaġġ mhux xieraq.

Ekonomija

Sport