Saturday, April 27, 2024

L-eks Montgomery House  fil-Furjana tagħlaq 290 sena

Aqra wkoll

Probabbilment ħafna mill-eluf ta’ nies li jattendu għall-manifestazzjonijiet ta’ xejriet differenti li jsiru minn żmien għall-ieħor Fuq il-Fosos tal-Furjana, lanqas jafu xi storja twila u kbira għandha l-binja li tinsab fuq il-ġenb ta’ Pjazza San Publju, l-isem proprju ta’ dan il-misraħ.

F’din il-binja llum hemm l-uffiċini ewlenin ta’ kumpannija tal-assikurazzjoni. Iżda għal dawk li għandhom ċerta età, din hi l-eks Montgomery House. Hekk fil-fatt kienet tissejjaħ minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija sal-1982 meta isimha nbidel għal Middle Sea House.

Aktar tagħrif storiku dwar din il-binja, hu miġbur f’feature speċjali mifrux fuq it-tmien paġni tan-nofs tal-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta lokali ‘IL-FURJANA’ li għadha kemm kienet ippubblikata.

Din il-binja għandha storja kbira. F’dawn il-ftit anqas minn tliet sekli ta’ storja serviet bħala villa tal-kampanja tal-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena li bniha; suq u parti minn sptar; Università dei Grani; Officers’ Barracks & Mess; The Pavillion; Montgomery House; id-dipartiment tat-‘Teżor’ u diversi uffiċini oħra tas-Servizzi Ingliżi f’Malta; u bħalissa Middle Sea House.

Minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, kienet magħrufa bħala Montgomery House għaliex kien f’din il-binja li l-mexxej militari Ingliż Field Marshal Montgomery ippjana mal-mexxejja militari Amerikani l-invażjoni u l-liberazzjoni ta’ Sqallija mill-ħakma Faxxista. Montgomery kellu l-bażi tal-fizzjali tiegħu f’dik il-binja fil-Furjana.

Barra dan il-feature, din il-ħarġa tal-gazzetta tinkludi wkoll intervista magħmula minn Joe Debattista, lil Pawlu Zahra, pijunier taċ-ċikliżmu organizzat f’pajjiżna. Il-kitba hi akkumpanjata minn numru ta’ ritratti dwar il-karriera ta’ Zahra bħala amministratur f’dan l-isport lokali.

Ma jonqsux naturalment ir-referenzi għall-ħajja attwali fil-Furjana u niesha. Dawn wieħed jista’ jsibhom fil-Paġna tal-Kunsill u fil-paġni tal-aħbarijiet. Dawn tal-aħħar jinkludu t-tmiem tar-restawr aktar kmieni din is-sena, tal-Ġnien tal-Mall, u tal-istatwa tal-ġebel ta’ San Publju ta’ ħdejn il-Knisja Parrokkjali. Dawn ukoll huma akkumpanjati minn ritratti.

Il-ħarġa ta’ Diċembru ta’ ‘IL-FURJANA’ hi s-seba’ waħda li kienet ippubblikata matul din is-sena li waslet biex tintemm. Erbgħa minn dawn il-ħarġiet kienu speċjali, waqt li t-tlieta l-oħra kienu ‘normali’ u kienu ppubblikati fix-xhur ta’ Lulju, Settembru u din ta’ Diċembru.

L-erba’ ħarġiet speċjali kienu ppubblikati fl-okkażjoni tat-80 anniversarju mit-Tieni Gwerra Dinjija fil-Furjana, oħra wara ż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’pajjiżna, waħda wara r-rebħ minn Floriana FC tal-FA Trophy għall-21 darba, u l-aktar waħda reċenti wara l-mewt ta-Reġina Eliżabetta II.

Referenza għal dawn il-ħarġiet kollha saret f’artiklu fil-ħarġa ta’ Diċembru. F’dan ir-round-up dwar is-sena pożittiva li kellha l-gazzetta ‘IL-FURJANA’, tissemma’ wkoll il-ħarġa straordinarja li kienet ippubblikata f’Ottubru bi traduzzjoni ta’ feature dwar il-75 sena tal-lukanda Phoenicia li kien deher oriġinarjament bil-Malti fil-ħarġa ta’ Settembru.

Min jixtieq jakkwista xi kopja ta’ din il-ħarġa, inkella tal-ħarġiet ta’ qabel, jew jixtieq jabbona fi ‘IL-FURJANA’ għal 5 ewro biss fis-sena, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

L-Editur u l-Bord Editorjali tal-gazzetta Furjaniża f’din il-ħarġa awguraw lill-abbonati u lill-qarrejja kollha tal-gazzetta, Milied ħieni u s-Sena 2023 mimlija saħħa u barka mis-Sema.

Sport