Monday, April 28, 2025

Is-serqa ta’ 132kg kannabis mill-barracks tal-Armata f’Ħal Safi… EBDA SUSPETT FIS-SULDATI 

Aqra wkoll

Is-suldati li aktar kmieni issejħu biex jixhdu fil-proċeduri dwar is-serqa ta’ 132kg kannabis minn kontejner fil-barracks tal-Armata f’Ħal Safi kienu ġew mitkellma mill-pulizija bħala xhieda fil-kors tal-indaġni kondotta minnhom fejn ma rriżulta l-ebda indizji fil-konfront tagħhom filwaqt li sal-ġurnata tal-lum, il-pulizija m’għandha l-ebda suspett dirett li huma seta’ kellhom involviment f’dan il-każ.

Ikkonferma dan fil-Qorti l-Uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur Joseph Mercieca, hekk kif quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ ħames persuni li qed jiġu mixlija b’akkużi relatati ma’ din is-serqa li seħħet fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Frar 2025.

L-imputati huma Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 23 sena u Cleaven Pace ta’ 19-il sena – it-tnejn mill-Marsa, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar u Christa Gauci ta’ 21 sena mis-Sannat, Għawdex.

Huma qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Qabel xehdu s-suldati, l-Avukati li dehru għalihom informaw lill-Qorti li qabel ma l-Prosekuzzjoni kienet se tiddikjara li mhux se tieħu proċeduri ta’ natura kriminali fil-konfront tal-klijenti tagħhom, fir-rigward ta’ din is-serqa li biha qed jiġu akkużati l-imputati, il-parir tagħhom se jibqa’ li x-xhieda jeżerċitaw id-dritt tas-silenzju li jħares id-dritt fundamentali kontra li persuna tinkrimina lilha nfisha, liema dritt fundamentali huwa rikonoxxut fil-fora kollha legali fid-dinja u jgawdi minnu kull persuna indipendentement x’inhu l-mestier tiegħu.

Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li fiċ-ċirkostanzi qiegħda tordna li ġaladarba ħadd mill-partijiet ma kien talabha li tagħti twissija lix-xhieda minħabba l-possibilità li jinkriminaw lilhom infushom, ovjament dan b’salvagwardja għad-drittijiet tagħhom, jekk iħossu li b’xi tweġiba jistgħu jinkriminaw lilhom infushom huma għandhom id-dritt ma jweġbux għaliha.

Sussegwentement xehdu erba’ suldati, b’wieħed minnhom jgħid li llum m’għadux impjegat mal-Forzi Armati ta’ Malta.

Dan is-suldat xehed li huwa kien għassa mal-barracks ta’ Ħal Safi u xogħlu kien ukoll li jara l-cameras.

Qal li fil-ħin tas-serqa huwa kien qed jara film fuq it-tablet. Ix-xhud żied jgħid li huma kienu mitluba jipprovdu sigurtà mal-kontejner li kien hemm fil-barracks waqt li jkunu qed jagħmlu r-ronda tas-soltu.

Huwa tenna wkoll li qabel seħħet is-serqa ma kienx jaf li l-kontejner kien fih id-droga.
Suldat ieħor, meta mistoqsi mid-Difiża, qal li burdnar kien konxju ta’ x’kien fih il-kontejner.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O’Neill, ikkonferma li saret inkjesta amministrattiva b’rabta ma’ dan il-każ. Ikkonferma wkoll li wara l-konklużjoni ta’ din l-inkjesta kienu ttieħdu proċeduri dixxiplinarji.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Joseph Mercieca u Alfredo Mangion.


Sean Attard għandu jassistuh lill-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb filwaqt li Carlos Pace hu assistit mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.


Għal Yousef Essesi deher l-Avukat Mario Mifsud. Għal Cleaven Pace u Christa Gauci dehru l-Avukati Dr Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.


L-Avukat Herman Mula deher għal tlieta mill-erba’ suldati filwaqt li l-Avukat Sarah Mifsud dehret għas-suldat l-ieħor. Wieħed mis-suldati kien ukoll assistit mill-Avukat Charmaine Cherrett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport