Thursday, April 25, 2024

Is-servizz tas-Silver-T estiz fil-lokalità tal-Mellieħa

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li s-servizz tas-Silver-T, li huwa servizz ta’ trasport b’xejn offrut lil anzjani ’l fuq minn 60 sena li jkollhom bżonn assistenza fil-qadi tagħhom, mil-lum se jkun qed jiġi estiż fil-lokalità tal-Mellieħa.

Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar ukoll li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed fil-proċess li jestendi dan is-servizz fuq bażi nazzjonali permezz ta’ tender għall-vetturi elettriċi.

Huwa spjega li kif ikollna servizz nazzjonali, dan jibda jopera fuq sistema ta’ żoni fejn Malta u Għawdex jinqasmu fi 12 il-żona ħalli l-anzjani ikunu jistgħu jmorru lil hinn mill-lokalità tagħhom. 

Il-Ministru qal ukoll li matul is-sena li għaddiet, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità rċieva ’l fuq minn 8,000 telefonata u saru mat-8,275 vjaġġ. Huwa joffri servizz lil anzjani li jkunu jixtiequ jmorru postijiet bħall-bank, spizeriji, kliniċi, il-kunsill lokali u diversi postijiet oħra essenzjali fl-istess lokalità.

Is-servizz tas-Silver-T huwa biss wieħed minn 24 servizz li joffri d-Dipartiment, bil-għan li jħeġġeġ lill-anzjani jgħixu ħajja aktar indipendenti fil-komunità.

Is-servizz jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7.00 a.m. sas-2.00 p.m.

Anzjani interessati biex jibbenifikaw minn dan is-servizz għandhom jibbukkjaw mhux aktar tard minn jumejn qabel u mhux aktar kmieni minn tlett ijiem qabel, fuq in-numru tat-telefon 21695544 jew 159.

Għal aktar informazzjoni fuq dan is-servizz wieħed jista’ wkoll iżur is-sit elettroniku fuq www.activeageing.gov.mt.

Is-servizz tas-silver-T issa qed jingħata l-Baħrija, Buġibba, Burmarrad, Fgura, Għargħur, Gudja, Gżira, Ħad-Dingli, Ħal Safi, Mġarr, Msida, Mtarfa, Naxxar, Paola, Qawra, Rabat (Malta), Santa Luċija, San Pawl il-Baħar, Tal-Pietà, Ta’ Xbiex, Tarxien, Xemxija u z-Żurrieq.

Sport