Saturday, February 1, 2025

IS-SEVIZZ TAS-SAĦĦA MHUWIEX BALLUN POLITIKU

Aqra wkoll

Settur ewlieni li Gvern Laburista qiegħed jagħtih importanza kbira u poġġih bħala prijorità ewlenija fil-ħidma tiegħu huwa dak tas-saħħa. Dan il-Gvern qiegħed jimpenja ruħu li jżid l-effiċjenza u jtejjeb is-servizz lill-pazjent, b’tali mod u manjiera li jkompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar f’dawn l-aħħar snin f’dan is-settur. 

Huwa għalhekk kruċjali li ma jsirux dikjarazzjonijiet bla bżonn li jħallu impatt negattiv fuq il-ħidma tal-professjonisti u l-paramediċi li jaħdmu b’tant dedikazzjoni biex jagħtu servizz eċċellenti lill-pazjenti u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin li jkollhom bżonn ta’ attenzjoni medika.

F’dan l-isfond ukoll irridu ngħidu mingħajr tlaqlieq li ma naqblu xejn ma’ ċertu dikjarazzjonijiet li spiss isiru illi s-sistema tas-saħħa f’pajjiżna qiegħda tikkrolla. Asserzjonijiet insensittivi bħal dawn ma jagħmlu xejnb ħlief ħsara għax ipoġġu wkoll f’dubju l-kwalità tas-servizz li jingħata.

Lanqas nistgħu naċċettaw li jkun hawn li, għal skopijiet partiġġjani, minflok jagħti daqqa t’id biex is-servizz tas-saħħa jibqa’ jitjieb, jitfa’ dell ikrah fuq is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna.

Irridu mhux biss nammettu imma wkoll napprezzaw kemm il-Gvern qiegħed jaħdem biex il-poplu jkollu servizz mill-aqwa, tant li dan l-aħħar daħal fi sħubija mal-privat biex itaffi u jnaqqas il-lista ta’ stennija fl-Isptar Mater Dei. Propju dan kien l-iskop primarju tal-ftehim li l-Gvern għamel ma’ ċentri u sptarijiet privati li joffru servizz lil pazjenti bi problemi urġenti jew emerġenti 24 siegħa kuljum. Dan qiegħed jagħmlu anke fid-dawl li l-poplu qiegħed jokrob biex jonqos il-ħin ta’ stennija partikularment fl-emerġenza. 

B’din l-inizjattiva mas-settur privat, nemmnu li l-pazjent ikun jista’ jinqeda aħjar, b’mod effiċjenti u aktar malajr, u fuq kollox b’dinjità. Is-sentiment fost in-nies għal din l-inizjattiva huwa wieħed pożittiv tant li meta dan il-ġurnal tkellem ma’ diversi residenti lokali saħqu fuq l-importanza li wieħed ma jdumx jistenna biex jinqeda għas-servizz li jkollu bżonn. 

Għalhekk ukoll nilqgħu b’sodisfazzjon li l-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva laħqu ftehim f’tilwima li kien hemm mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li warrab ir-riskju li jkunu interrotti xi setturi fis-servizz tas-saħħa. Għalhekk nifirħu wkoll li anki hawn rebaħ is-sens komun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport