Thursday, January 9, 2025

Is-sid ta’ Facebook f’rotta ta’ kunflitt mar-Renju Unit u l-UE

Aqra wkoll

Il-bidliet kbar li sid il-facebook, Mark Zuckerberg, irid iwettaq fil-pjattaformi tal-midja soċjali ta’ Meta poġġew lilu u lill-kumpanija tat-teknoloġija tiegħu fuq rotta ta’ kunflitt mal-leġiżlaturi fir-Renju Unit u fl-Unjoni Ewropea. Zuckerberg irid inaqqas sostanzjalment il-proċess tal-iċċekkjar tal-fatti u b’hekk se jagħti lok għal aktar abbużi u atti perikolużi ta’ mibgħeda fuq il-pjattaformi tiegħu. 

Leġiżlaturi fi Brussell u Londra diġà kkritikaw b’mod qawwi d-deċiżjoni ta’ Mark Zuckerberg li jneħħi l-factcheckers fl-Istati Uniti għal Facebook, Instagram u Threads, u d-deskrivew id-deċiżjoni bħala “pjuttost tal-biża”. Il-bidliet fil-politiki globali ta’ Meta dwar kontenut ta’ mibegħda issa jinkludu li l-utenti jitħallew jgħajru lil min iridu anki abbażi ta’ is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali.

Chi Onwurah, id-Deputat Laburista u president tal-kumitat tax-xjenza u t-teknoloġija tal-House of Commons, li qed jinvestiga kif id-diżinformazzjoni onlajn qanqlet l-irvellijiet tas-sajf li għadda madwar ir-Renju Unit, qalet li d-deċiżjoni ta’ Zuckerberg li jissostitwixxi factcheckers professjonali fl-Istati Uniti hija ta’ tħassib.

Waqt li sostniet li n-nies għandhom dritt li jkunu protetti mill-effetti tal-ħsara tal-informazzjoni ħażina qalet li l-fatt li Zuckerberg qed isegwi l-eżempju tal-pjattaforma X għandu jqajjem tħassib meta jitqabbel kif X hija pjattaforma għal miżinformazzjoni akbar milli qatt kien Facebook.”

Meta qalet li se tiddependi fuq dawk li jużaw il-midja soċjali biex jiċċekkjaw il-posts ta’ xulxin f’sistema simili għal dik adottata minn Elon Musk fuq is-sit X. Dan wassal għal tħassib dwar informazzjoni ħażina li toħroġ mill-Istati Uniti dwar kwistjonijiet inklużi l-elezzjonijiet, is-saħħa, pandemiji u kunflitti armati u tixrid fil-feeds diġitali madwar id-dinja kollha, fejn Meta għandha aktar minn tliet biljun utent.

Nhar l-Erbgħa l-ġurnalista Amerikana-Filippina rebbieħa tal-Premju Nobel għall-paċi Maria Ressa bassret “żminijiet estremament perikolużi” li ġejjin għall-ġurnaliżmu, id-demokrazija u l-utenti tal-midja soċjali. Hija qalet li Meta kienet se “tippermetti li l-gideb, ir-rabja, il-biża u l-mibegħda jinfettaw lil kull persuna fuq il-pjattaforma. Meta qed tagħti bidu għal ‘dinja mingħajr fatti’, tgħid ir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-paċi.

Eks inġinier anzjan li r-responsabbiltajiet tiegħu fil-Meta kienu jinkludu miżuri ta’ sikurezza għat-tfal, qal li issa t-tfal se jkunu dejjem aktar esposti għall-kategoriji kollha ta’ kontenut li għandhom bżonn jiġu protetti kontrihom. Kontenut ta ħsara, inkluż materjal vjolenti jew pornografiku, se jkun jista’ jintlaħaq minn utenti żgħażagħ aktar faċilment.

Fi Brussell, il-Kummissjoni Ewropea irreaġixxiet kontra d-dikjarazzjoni li għamel Zuckerberg nhar it-Tlieta li fiha semma l-Ewropa bħala post b’numru dejjem jiżdied ta’ liġijiet li istituzzjonalizzaw iċ-ċensura – referenza għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali tal-UE stess, li jirregola l-kontenut onlajn.

Kelliem għall-fergħa eżekuttiva tal-UE ċaħad assolutament kwalunkwe pretensjoni ta ċensura u li assolutament m’hemm xejn fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali li jġiegħel jew jitlob pjattaforma biex tneħħi kontenut legali.

Zuckerberg qal li l-politika tiegħu li jneħħi l-factcheckers tapplika biss “fl-Istati Uniti” iżda esperti jgħidu li bil-ħsibijiet tiegħu kontra l-Ewropa qajjem diġa tħassib li qed jippjana li jħaddem l-istess approċċ fl-Ewropa. Meta se tiffaċċja skrutinju regolatorju intens jekk tagħmel dan fir-Renju Unit u fl-Unjoni Ewropea, qal Arnav Joshi, avukat anzjan tat-teknoloġija fid-ditta legali Clifford Chance.

Id-deċiżjonijiet ta’ Zuckerberg u l-probabbiltà dejjem akbar li jirrifjuta li jikkonforma ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar biex jimpressjona u jinħabb ma’ Trump iqarreb lejn il-mument meta l-UE jista’ jkollha tiddeċiedi jekk għandhiex is-setgħat li tipprojbixxi lil Meta, jew inkella kif jistgħu jżommuha responsabbli. 

Filwaqt li Meta qalet li kontenut dwar suwiċidju, korriment personali u disturbi fl-ikel xorta se jitqies bħala vjolazzjonijiet ta’ severit?għolja, se tkompli tuża s-sistemi awtomatizzati tagħha biex tiskennja għal dak il-kontenut ta’ severit?għolja. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport