Saturday, February 1, 2025

Is-sigriet għas-suċċess huwa t-taħriġ – Billy Mock

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il futbol?

Bħalma taf tajjeb int, il-familja Mock hija waħda sportiva ħafna, kemm fil-futbol, fil-waterpolo u anke fejn jidħol ir-refereeing. Missieri, li kien jismu wkoll Billy, kien ikkowċja lil Floriana FC fil-bidu tas-snin 50 u wkoll għen lill-Furjana jirbħu il-‘quadruple crown’. Huwa kien ukoll elett bħala l-ewwel president tal-MFRA.  Ħija Donald ukoll lagħab mal-Furjana.

Charlie Mock m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni, bniedem sportiv li kiseb ħafna suċċessi f’kull qasam tal-ħajja. Għalhekk naturalment jien ukoll nista’ ngħid li twelidt b’ballun f’saqajja. Għalhekk il-passjoni għall-futbol kienet hemm minn dejjem, u dik kif bdiet il-passjoni tiegħi lejn il-futbol.

Iddeksrivi r-rwol tiegħek bħala Direttur Tekniku / tal-kowċing ta’ Swieqi United FC.

It-timijiet tal-futbol jitfgħu ħafna sforz fl-evalwazzjoni u jassessjaw il-proċess fil-ħajja ta’ kuljum tal-futbol fejn jidħol it-taħriġ. Il-kowċis tagħna jiddedikaw ħafna ħin fl-evalwazzjoni tal-plejers kull ġimgħa u anke saħansitra ġieli kuljum. Imma fis-Swieqi estendejna dan il-proċess ukoll lill-kowċis. Dan jeħtieġ li jkun xi ħadd li jġorr din ir-responsabbiltà biex iħares is-sessjonijiet ta’ taħriġ u l-logħob. Fil-klabb tagħna dan il-persuna jissejjaħ id-‘Direttur tal-Kowċing’. Id-Direttur Tekniku ma jikkowċjax lit-tim, imma aktar jikkowċja lill-kowċis biex isegwu l-pjan li jkun bena l-klabb. Għaldaqtsant jiena ma nikkowċjax tim, imma jkolli diskussjonijiet li jinvolvu tattiċi u bidliet li jkunu saru matul il-logħob. Niddiskutu wkoll pjan ta’ taħriġ li jkollna għal matul dik il-ġimgħa. Inkun preżenti wkoll matul il-ġimgħa meta jkun hemm it-taħriġ biex nassisti u nikkoreġi x’qed jagħmlu l-kowċis. Din hija prassi li ilha ssir fil-klabb ta’ Swieqi United għal dawn l-aħħar 11-il sena u li tat riżultati storiċi lil dan il-klabb.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Fil-klabb tas-Swieqi, identifikajna tliet objettivi li rridu nagħtu prijorità.

A. Set-up professjonali;

B. Nilagħbu l-istess stil ta’ logħob fit-timijiet kollha;

Ċ. Li jkollna network tajba li toħodna anke ’l bogħod minn din il-gżira.

Aktar għanijiet:

L-ewwel irridu nisħqu li t-timijiet tagħna jżommu l-istatus fid-diviżjonijiet rispettivi tagħhom tal-kampjonat.

It-tieni, l-importanti hu li nirbħu l-kampjonat jew niksbu l-promozzjoni.

U t-tielet, li nipproduċu plejers għat-tim tal-kbar.

Kemm hu importanti l-iżvilupp taż-żgħażagħ (‘youth development’) speċjalment biex jipprovdi plejers futuri għat-tim nazzjonali Malti?

L-iżvilupp tal-Youths huwa l-aktar ħaġa importanti għal-logħba tal-futbol u trid tibda mill-qiegħ. Fil-fatt hemm dibattitu bejn l-iżvilupp jew ir-rebħa akkost ta’ kollox. Għalija, l-aktar stadji importanti huma li nieħdu ħsieb dak li ngħidulhom il-Grassroots. Din m’għandhiex tkun xi ħaġa kompetittiva, imma trid tkun iktar iffukata fuq l-iżvilupp tal-individwu billi jilgħab il-futbol f’kull livell, jirrispetta l-valuri ta’ dan l-isport, il-logħba u l-opponent, u li fuq kollox jieħu gost waqt il-logħba.

Il-futbol dejjem ser iqajjem xi dibattiti. Ċertu żgħażagħ huma kkritikati għax ma jirnexxilhomx għall-ewwel timijiet jew bħala plejer nazzjonali. M’hemmx bakketta maġika, imma waħda mill-problemi tista’ tkun in-nuqqas ta’ kontinwità u n-nuqqas ta’ adattazzjoni fl-istruttura tal-futbol. Illum il-futbol sar wisq xjentifiku. Xi wħud forsi jgħidu li l-logħba titgħallimha mil-logħob fit-triq stess. Bla referì, bla kowċ, iżda jeħtieġ biss ftit ħbieb u ballun.

Imma s-sigriet għas-suċċess huwa t-taħriġ. Nonfqu kemm nonfqu, nagħmlu x’nagħmlu, u x’nanalizzaw, xorta jibqa’ l-importanza tat-taħriġ. Parir li jiena nagħti hu li t-taħriġ m’għandux ikun biss tattiku u tekniku, imma li tibda wkoll bil-warm-up. Irridu nagħtu lura l-ballun lit-tfal 1v1, 2v1, 2v2 aktar milli ngħallmu l-edukazzjoni Fiżika (PE). Ir-riżultat tarah maż-żmien u x-xogħol ikun progressiv. Għalhekk, iċ-ċavetta hi l-paċenzja.

Għat-tieni parti tal-mistoqsija biex nipproduċu plejers għat-tim nazzjonali, nissuġġerixxi li l-MFA, il-Youth FA u l-klabbs ipoġġu kollha flimkien u jimplimentaw struttura komuni u dan ikun fattur importanti għall-iżvilupp ta’ dawn iż-żgħażagħ. Il-progress li għamilna f’dawn l-aħħar snin meta kkomparat ma’ nazzjonijiet żgħar, xorta nħoss li għadna lura. Kulħadd jeħtieġ li jibda jaħdem għal kull età biex noħorġu l-istess riżultat. In-nazzjon kollu jeħtieġ li jkollu metodoloġija tat-teknika u t-tattika fit-taħriġ b’mod sempliċi li wieħed jista’ jsegwi. L-intensità tat-taħriġ u t-tempo jeħtieġ ukoll li titjieb matul il-logħba.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Tħares biss lejn il-FIFA tirrispondi l-mistoqsija. Il-livell mar lura jew inkella ma tjiebx. Skont il-klassifika tal-FIFA fid-19 ta’ Diċembru 2024, it-tim tal-irġiel tal-futbol Malti kklassifika fi-168 post. Andorra u Ġibiltà huma l-unika żewġ nazzjonijiet Ewropew li jinsabu warajna, għax klassifikati 171 u 196.

Ir-riżultat għalhekk jitkellem waħdu. Imma jeħtieġ infaħħru lit-tim nazzjonali tan-nisa li kklassifikaw fis-86 post. Hawnhekk għamilna passi ta’ ġgant u dan huwa akkwist importanti għal Malta. Riċentament ġibna wkoll plejers minn barra biex intejbu l-istandard tal-logħba tagħna. Fil-livell tal-klabb ħadmet, u ksibna riżultati tajbin meta kkomparat mas-snin ta’ qabel. Din hija prova li mhux qed nipproduċu biżżejjed plejers lokali fil-lig premier.

Dan żgur li ser jaffettwa t-tim nazzjonali u l-għażla għalih. Issa qed nagħtu grand taċ-ċittadinanza Maltija lil dawk il-plejers biex ikunu jistgħu jilagħbu mat-tim nazzjonali. Imma jiena nemmen li hemm ċertu tibdil li jrid isir biex ikollna plejers aħjar. Biex jiġri dan irridu naħdmu flimkien bħala ħaġa waħda. M’iniex se nikkompara l-plejers tal-passat ma’ tal-lum. Għax għalkemm il-prinċipji tal-futbol jibqgħu l-istess, il-logħba dejjem qed tevolvi.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Il-faċilitajiet f’Malta dejjem qed jitjiebu, imma f’ċerti klabbs din għadha problema kbira. Għax ħafna mill-klabbs għadhom b’faċilitajiet mhux adekwati. Kont iffortunat li stajt immiss ma’ kowċing nazzjonali fejn wieħed jista’ jara faċilitajiet professjonali f’Ta’ Qali. U għalkemm dan ma nsibuhx fi klabbs oħra, għall-inqas nistgħu ngawduh bis-sħiħ fuq livell nazzjonali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Fi rwol ta’ plejer tal-futbol wieħed għandu jkollu xi wħud minn dawn il-kwalitajiet:

* Dixxiplina u mġieba tajba, attitudni tajba u rispett.

* li tifhem is-sessjoni tat-taħriġ u l-logħba tal-futbol.

* li tilgħab b’inizjattiva, b’mod ħieles u b’awtonomija.

* Ideat kollettivi u koperazzjoni sħiħa mal-membri l-oħra tat-tim.

* aħdem qatigħ biex tegħleb kull sfida.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport