Wednesday, April 24, 2024

Is-sigriet li żamm żwieġ feliċi għal 82 sena

Intervista mal-aktar koppja Franċiża li ilhom flimkien

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Iż-żwieġ huwa kaxxa magħluqa u fiż-żminijiet li ngħixu fihom illum il-ġurnata, ħafna qegħdin sfortunatament jitkissru. Il-mistoqsija ta’ ħafna hija, x’inhu l-ingredjent li jżomm koppja flimkien sena wara l-oħra għall-bqija ta’ ħajjithom?

Koppja Franċiża bl-itwal żwieġ fi Franza għadha kemm iċċelebrat it-82 anniversarju tagħha u jaqsmu mal-bqija tad-dinja s-sigriet tagħhom biex baqgħu flimkien dawn is-snin rekord.

Berthe u Marcel iddeċidew li jirrakontaw l-istorja tal-ħajja tagħhom bħala miżżewġin kuntenti f’intervista mal-ġurnal “L’Action l’Echo”

Huma ltaqgħu għall-ewwel darba f’lejl minnhom meta t-tnejn li huma attendew ballu. Però, kien biss wara aċċident li kellu Marcel bir-rota li ddeċidew li jsiru koppja meta ltaqgħu fil-klinika ta’ tabib fejn Berthe kienet xogħol.

Ftit xhur wara, nhar is-26 ta’ Novembru, 1938 f’għeluq it-18-il sena ta’ Berthe, din il-koppja żżewġet. Fir-rakkont tagħhom qalu kif fil-jum li wegħdu li jqattgħu l-bqija ta’ ħajjithom flimkien, kienet għamlet ix-xita – sinjal, għal ħafna nies, ta’ risq.

“Il-koppja għexu ħajja sempliċi b’imħabba pura u sinċiera…”

Dak li beda b’passjoni mas-snin irriżulta b’mod definittiv li kienet imħabba soda ħafna. Il-koppja fil-bidu tal-ħajja miżżewġa tagħhom marru joqogħdu f’St. Eliph, l-istess raħal li fih iżżewġu. 

Tul it-82 sena ta’ żwieġ, Marcel u Berthe kellhom involontarjament jgħixu ħames snin isseparati. Ftit wara li żżewġu faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u Marcel inqabad bis-servizz meta l-koppja kienet qiegħda tistenna l-ewwel tarbija tagħha. Il-missier intbagħat il-ħabs u ma rritornax mill-Ġermanja sakemm intemmet il-Gwerra.

Wara dan il-perjodu diffiċli l-koppja għexu ħajja sempliċi b’imħabba pura u sinċiera. Dawn il-ġenituri ta’ erbat itfal illum il-ġurnata Berthe u Marcel huma nanniet u bużnanniet kuntenti u mberkin b’dak li tathom il-ħajja.

Mistoqsija mill-ġurnal x’kien is-sigriet tagħhom, din il-koppja bi tbissima rrispondew li, “minn dejjem konna naqblu ħafna”.

Għaldaqstant, il-kwalità tajba tar-relazzjoni bejniethom tul dawn is-snin kollha għenithom jibqgħu sodi anke fiż-żminijiet diffiċli.

Sport