Saturday, May 18, 2024

Is-Sindku tal-Qala jitlob investigazzjoni dwar ħmieġ li deher fil-baħar ta’ Ħondoq ir-Rummien

Aqra wkoll

Hekk kif l-istaġun tas-sajf dieħel ġmielu, u eluf ta’ persuni jibdew ifittxu bajjiet biex imorru jgħumu, matul l-aħħar sigħat fil-baħar ta’ Ħondoq ir-Rummien deher ħmieġ li s’issa għadu mhux magħruf x’inhu.

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg, dalgħodu mar fuq dgħajsa biex jiġbor kampju ta’ dan il-ħmieġ fejn issa qiegħed jitlob lill-awtoritajiet konċernati jinvestigaw u jgħidu eżatt x’inhu dan il-ħmieġ.

F’kummenti li ta’ lil talk.mt is-Sindku tal-Qala, sostna li bejn ilbieraħ u llum riċieva diversi rapporti li fil-baħar ta’ Ħondoq kien hemm ħmieġ li mhux normali. “Għalhekk iddeċidejt li ninżel jien personalment biex nieħu kampjun ta’ dan u qed nistenna li l-awtoritajiet jgħidulna x’inhu eżatt.”

Hu kompla jgħidilna li mhux ġust li bajja bħalma hi Ħondoq ir-Rummien li lejha tiġbed eluf kbar ta’ persuni matul is-sajf tispiċċa b’dan il-ħmieġ fil-baħar u s’issa mhux magħruf jekk hux ta’ periklu għas-saħħa tan-nies.

Sport