Friday, April 26, 2024

Is-sitwazzjoni tal-Omicron twassal għal rabja mill-Afrikani

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ir-restrizzjonijiet minħabba s-sitwazzjoni tal-varjant Omicron, indirizzati l-aktar lejn il-kontinent Afrikan, wasslu għal rabja mill-Afrikani stess li jemmnu li għal darb’oħra qegħdin isofru konsegwenzi ta’ politika “ta’ paniku” mill-pajjiżi tal-Punent li naqsu milli jibagħtulhom tilqim u riżorsi meħtieġa. 

L-Afrika t’Isfel iddikjarat li l-miżuri huma inġusti u li hemm periklu li tbati l-ekonomija lokali. Dan il-pajjiż sostna li qiegħed ikun “ikkastigat talli kien kapaċi b’mod xjentifiku jidentifika minn kmieni l-varjanti tal-Covid-19”. Il-President ta’ dan il-pajjiż, Cyril Ramaphosa, ikkritika lill-pajjiżi sinjuri talli għamlu miżuri fil-konfront tagħhom b’tali mod li se “jniżżluhom għar kopptejhom”.

Tabiba mill-Afrika t’Isfel li kienet fost minn tal-ewwel li ssuspettat li hemm varjant ġdid tal-Coronavirus, qalet li s-sintomi ta’ Omicron s’issa huma ħfief u persuna infettata tista’ tingħata kura għalih ġo darha stess. 

Dott. Angelique Coetzee, mill-Assoċjazzjoni Medika tal-Afrika t’Isfel, qalet lil Reuters li, “s’issa l-pazjenti b’dan il-varjant ma esperjenzawx telf ta’ xamm jew togħma u ma kellhomx tnaqqis fil-provvista tal-ossiġnu fil-ġisem”. Hija qalet li hawn “paniku żejjed u bla bżonn” minħabba Omicron.

Tajjeb li jingħad li r-rata tat-tilqim fl-Afrika t’Isfel hija waħda ta’ 24% mentri r-rata medja fil-bqija tal-kontinent bħalissa hija baxxa ħafna b’7% li huma mlaqma kompletament b’xi pajjiżi bi 3% biss tal-poplazzjoni li ħadu żewġ dożi kontra l-Covid-19.

Kawża ta’ dan huma n-nuqqas ta’ riżorsi f’dan il-kontinent u kawża wkoll ta’ nuqqas ta’ għajnuna mill-pajjiżi sinjuri li ħatfu miljun ta’ dożi żejda biex żgur ilaqqmu liċ-ċittadini tagħhom l-ewwel. Diversi organizazzjonijiet kienu diġà wissew li għal xejn il-pajjiżi żviluppati jlaqqmu liċ-ċittadini tagħhom u fl-istess ħin iħallu pajjiżi fqar bla tilqim minħabba li l-virus b’xi mod xorta se jibqa’ jiċċirkola u jinxtered minn dawk bla aċċess għat-tilqim b’mod speċjali għall-fatt li l-konfini bejn il-pajjiżi ma jistgħux jinżammu dejjem magħluqa.

Aqra l-analiżi: OMICRON: It-theddida ġdida fl-Ewropa

Sport