Friday, April 19, 2024

Is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tirringrazzja lil kull min ta sehmu biex il-festa tkun suċċess

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu, ir-raħal tal-Imqabba kien jinsab f’nofs ta’ ċelebrazzjonijiet mill-aqwa ad unur il-Madonna tal-Ġilju. Il-Festi ta’ din is-sena fakkru u ċċelebraw il-250 anniversarju mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-1772.

Il-Festi fetħu nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju 2022 permezz tal-Party annwali fil-Każin organizzat mis-Sezzjoni Żgħażagħ Madonna tal-Ġilju. Nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju, saret l-ikla annwali tal-Festa fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba.

Il-Ħadd 12 ta’ Ġunju filgħodu kien imiss iċ-ċerimonja tal-ħruġ min-Niċċa tal-Vara Artistika u Devota tal-Madonna tal-Ġilju u l-espożizzjoni tagħha fuq il-bradella artistika fiċ-ċentru tal-Knisja Parrokjali tal-Imqabba. Bosta kienu d-Devoti ta’ Marija Immakulata li attendew u sellmu lill-Padruna tagħhom permezz ta’ talb u innijiet Marjani. Din iċ-ċerimonja kienet immexxija mill-Kappillan tal-Parroċċa il-W.R. Dun John P. Curmi.

It-Tnejn 13 ta’ Ġunju kien il-jum dedikat lit-tfal tas-Soċjetà. Għaldaqstant, saret iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tat-tfal u trabi quddiem il-Vara tal-Madonna tal-Ġilju. Wara, saret attività Marjana bis-sehem tal-Banda Madonna tal-Ġilju u t-tfal membri tal-Lily Juniors.

Wara l-Funzjoni fil-Knisja, nhar L-Erbgħa 15 u l-Ħamis 16 ta’ Ġunju ssokktaw il-Marċi Brijużi bis-sehem tal-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun, u l-Banda Madonna tal-Ġilju tellgħet programm vokali u strumentali fuq il-Planċier Meravilja taħt il-Patroċinju tal-Ex-President tas-Soċjetà, s-Sur Teddy Farrugia. Waqt dan il-kunċert, il-mużika tħalltet mal-viżiv u ġew imfakkra l-anniversarji li s-Soċjetà qiegħda tikkommemora tul din is-sena.

Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju, il-Banda Madonna tal-Ġilju għamlet il-Marċ tradizzjonali u tant popolari “Tal-Ġimgħa” li matulu spikkat l-organizzazzjoni ta’ briju mill-isbaħ mis-Sezzjoni Żgħażagħ Madonna tal-Ġilju. Il-Marċ laħaq il-qofol tiegħu bit-tlugħ tal-Istatwa tal-Madonna tal-Ġilju fuq il-Pedestall tal-Vara l-Kbira u l-ħruq ta’ tapit u nar ieħor minn fuq il-bejt tal-Każin. Wara segwa spettaklu ta’ briju organizzat fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba.

Nhar is-Sibt 18 ta’ Ġunju, lejlet il-Festa, il-Banda La Vittoria tal-Mellieħa eżegwiet programm ta’ mużika leġġera fuq il-Planċier Meravilja. Wara segwa ‘Symphony of Stars’, spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika. L-ispettaklu kompla bi ħruq ta’ settijiet ta’ murtali tal-beraq u tal-kulur kif ukoll sfejjer u blalen ta’ qisien differenti li komplew ikkonfermaw l-abbilta’ tal-Għaqda tan-Nar fil-qasam pirotekniku. Il-lejla Piroteknika ġiet fi tmiemha permezz ta’ esibizzjoni ta’ diversi bċejjeċ ta’ Nar tal-Art oriġinali li fih spikka l-mekkanizzar u d-diversi kuluri ta’ fintuna, invenzjonijiet tal-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju.

Il-Hadd 19 ta’ Ġunju kien jum il-Festa tal-Madonna tal-Ġilju. Filgħodu saret il-Quddiesa Solenni tal-Paniġierku u wara ngħata bidu għall-Marċ tradizzjonali ta’ Nofsinhar mill-Banda Madonna tal-Ġilju bis-sehem brijuż tal-Partitarji. Filgħaxija saret il-Purċissjoni Solenni bil-Vara tal-Madonna tal-Ġilju, immexxija mill-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni. Ma’ dħul il-Purċissjoni tkantat l-Antifona u saret Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Wara segwa s-solitu ringrazzjament mill-Għaqda tan-Nar fil-Knisja Parrokjali. Il-Marċ tal-Aħħar għalaq il-festa 2019 fejn il-membri tal-Għaqda tan-Nar iċċelebraw flimkien is-suċċessi pirotekniċi miksuba matul din il-Festa.

It-Tnejn 20 ta’ Ġunju, l-għada tal-Festa, saret ix-xalata tradizzjonali. Din is-sena, l-Għaqda tal-Armar Madonna tal-Ġilju kompliet taħdem fuq il-proġett tat-trofew artistiku għall-Pjazza kif ukoll ġew inawgurati żewġ pedestalli għal mad-dawra taz-zuntier.

Is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu minn qalbhom biex il-Festa 2022 setgħet tkun hekk ta’ suċċess. Ringrazzjament iehor imur lill-Kappillan u Kleru flimkien ma’ dawk li ħadu ħsieb jarmaw il-Knisja bit-teżori artistiċi tagħha, flimkien mal-Pulizija u l-Kunsill Lokali tal-Imqabba, kif ukoll lil dawk l-eluf li qabżu qabża sal-Imqabba biex magħna jgawdu l-ferħ li ġġib magħha din il-Festa. L-aħħar u l-akbar ringrazzjament żgur li għandu jmur lejn Ommna Marija Immakulata Kunċizzjoni taħt it-Titlu ‘Tal-Ġilju’ li ad Unur tagħha tiġi ċċelebrata ta’ kull sena din il-Festa hekk Devota. 

Sport