Saturday, December 28, 2024

IS-SOLD TIEGĦI FIL-BUDGET

Jean Claude Micallef
Jean Claude Micallef
Deputat Laburista

Aqra wkoll

X’hemm isbaħ minn li tagħmel differenza għal pajjiżek? Għalhekk ninsab fil-politika u s-sodisfazzjon tiegħi nara lil min jadotta ideat li nkun ressaqt biex jigwadanjaw minnhom il-Maltin u l-Għawdxin. 

Minn laqgħa li kelli ma’ ġenituri tul is-sajf ressaqt minnufih proposta biex kull skola f’Malta jkollha Epi-pen biex tfal b’kundizzjonijiet t’allerġiji jkunu koperti. Dan ma jissarrafx biss f’sigurta għal min jinħtieġ imma jfisser li familji li normalment jonfqu €300 f’kull sena skolastika għal prevenzjoni t’emerġenza jkunu qed jiffrankawhom. 

L-isbaħ mumenti fil-karriera politika tiegħi kienu dejjem meta rajt ferħ ta’ diversi fis-silenzju li nkun servejt ta’ ġid għalihom. Is-sodisfazzjon li ħassejt ma’ kull messaġġ li rċevejt minn familji li uliedhom huma meħtieġa Epi-pen huwa indiskrivibbli. 

Normalment l-attenzjoni dejjem tkun fuq membri tal-kabinett u r-riżorsi jippermettu aktar pubbliċità għal deċiżjonijet li jieħdu jew proġetti li jħabbru. Permezz ta’ dan il-baġit, esperjenzajna Gvern li jassorbi dak kollu li jagħmel sens, ġej minn fejn ġej – jgħarbel il-viabilità u jiddedika finanzi biex jitwettqu miżuri li jiggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar għalina u l-ġenerazzjonijiet li ġejjien. 

Kburi li għal darb’oħra servejt ta’ ġid anke mill-backbench. Bl-istess mod li ħassejtni kburi nisma kemm lil Ministru Miriam Dalli tweġibni ftit minuti qabel il-baġit u eventwalment lil Ministru Clyde Caruana jaċċenna fil-baġit il-proġett t’afforestazzjoni fl-Inwadar, Marsaskala. Meta grupp ta’ periti preżentaw il-proposta, 

smajt kull kritika u anke xettiċiżmu. Pubblikament appoġġjajt l-idea u tlabt għal implimentazzjoni tiegħu. Ormai kull min hu residenti f’Marsaskala jaf li fejn ħaddieħor għalaq għajn waħda jew jibqa fommu sieket dejjem sabuni ta’ vuċi għar-residenti. Fejn kien hemm l-iebes, xammart il-kmiem, ħdimt qatigħ, ipperswadejt u ksibt ir-riżultati. 

F’dal-każ nammetti li ġejt sorpriż nara l-impenn muri lejn din l-idea ambjentali radikali mill-imsemmija ministri bla telf ta’ ħin. Ma kelliex għalfejn insabbat saqajja jew nissielet ebda mentalità arroganti. Dan hekk kif Gvern immexxi minn Robert Abela qed jagħraf li fejn hemm il-ġid komuni għandu jingħata preċedenza fuq kollox. Masġar fin-nofsinhar ta’ Malta se jfisser pulmun t’arja nadifa. Din hi r-riġenerazzjoni li rrid għal Marsaskala li tant inħobb. Dan hu l-Gvern li ma jiqafx biss jgħid li jrid Malta aħjar għal uliedna imma li jaħdem għal Malta suċċess fis-saħħa, fl-ekonomija, fl-ambjent, fil-governanza tajba, fil-ġustizzja u fil-ħolqien t’impjiegi. 

Kull ma jmur inkompli naħdem biex ma’ sħabi nġeddu Malta flimkien.

Jean Claude Micallef MP | 3 distrett

Ekonomija

Sport