Monday, December 23, 2024

IS-SOLITUDNI FI ŻMIEN IL-MILIED

Aqra wkoll

Ninsabu jumejn biss ‘il bogħod miċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Milied u ħafna jkunu dawk li jaħtfu l-okkażjoni biex jagħmlu l-aħħar xiri ta’ rigali għall-għeżież tagħhom. Oħrajn ikunu qegħdin jippreparaw għall-ikla tal-Milied b’ikel u ħelu tradizzjonali li huwa sinonimu ma’ dan iż-żmien tant sabiħ tas-sena.

Iżda min-naħa l-oħra, għal xi nies dan iż-żmien sfortunatament ikun wieħed diffiċli. Dan minħabba raġunijiet u ċirkostanzi differenti, bħal mewt jew firda minn xi ħadd għal qalbhom, jew inkella jgħixu fis-solitudni, waħedhom u mingħajr il-wens ta’ ħbieb jew familja.

Meta wieħed ikun għaddej minn minn problemi personali u jagħżel li ma jaqsamhom ma’ ħadd, is-silenzju jaf joħloq vojt kbir bejnek u ta’ madwarek. U huwa għalhekk importanti li wieħed ma jiddejjaq xejn jersaq ’il quddiem u jitkellem fejn illum il-ġurnata hawn diversi mezzi li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalik biex fuq kollox ma tibqax tħossok waħdek.

Għalhekk ukoll li l-Caritas se tkun qiegħda tħejji l-ikla tal-Milied fil-Kura tal-Arċisqof għal dawk li jinsabu waħedhom jew li m’għandhomx il-mezzi sabiex din is-sena jqattgħu Milied b’dinjità. Il-maġġor parti ta’ dawn in-nies huma persuni li għexu fis-solitudni.

Il-fatt li dawn il-persuni jaċċettaw l-istedina tal-Caritas hija minnha nfisha pass ieħor biex jegħlbu l-weġgħa li ġġib magħha l-pjaga tas-solitudni, minbarra li jsiru jkollhom għarfien akbar dwar il-gruppi ta’ sapport li jiġu offruti minnha matul is-sena kollha.

Fil-kuntest ta’ dan kollu nemmnu wkoll li huwa importanti li nieħdu ħsieb lil xulxin dejjem, b’mod partikolari f’dan iż-żmien. Dan kien ukoll is-sentiment espress mill-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Daniela Calleja Bitar fejn l-appell kien wieħed ċar li jekk nafu lil xi ħadd li se jkun waħdu ninkluduh magħha.

Ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ dawn l-entitajiet li flimkien ma’ oħrajn dejjem ikunu ta’ sostenn għas-soċjetà Maltija. Għaldaqstant nemmnu li l-Milied jista’ jkun opportunità biex int tagħżel li tfittex appoġġ. Jista’ jkun żmien ta’ fejqan, żmien biex titkellem u tħossok ‘konness’ minflok ‘iżolat’. Hemm ħafna riżorsi u nies ippreparati li jgħinuk issib appoġġ.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport