Sunday, December 22, 2024

“Is-solitudni hija agħar milli tpejjep 15-il sigarett kuljum jew ikollok piż żejjed”

- Dr Vivek Murthy

Aqra wkoll

Wieħed mill-aqwa tobba fl-Istati Uniti ngħaqad fl-isforzi li qiegħda tagħmel il-Ġnus Magħquda biex tgħin nies li jħossuhom weħidhom.

Dr Vivek Murthy qal li meta bniedem iħossu waħdu hu agħar milli tpejjep 15-il sigarett kuljum jew inkella jkollok piż żejjed. Hu ngħaqad mal-Kummissjoni tal-Ġnus Magħquda li qiegħda tosserva u tgħin persuni li jħossuhom weħidhom.

Riċerki juru li dawk kollha li jħossuhom weħidhom għandhom riskju ferm akbar ta’ attakki tal-qalb, ta’ anzjetà, ta’ dipressjoni u anke ta’ ħsibijiet għal suwiċidju. Jirriżulta li wara d-diversi lockdowns li kien hawn fid-dinja minħabba l-pandemija, il-livell ta’ persuna li tħossha weħidha għolja ferm.

Fil-fatt mill-2020 ‘l hawn ħafna Amerikani qegħdin jgħidu li huma qegħdin iqattgħu 20 minuta kuljum mal-ħbieb, meta fis-sena 2000 huma kienu jagħmlu siegħa jew aktar mal-ħbieb. Dan juri li aktar nies qegħdin jispiċċaw weħidhom.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tgħid li din il-problema tmur ‘l hemm mill-fruntieri tal-Istati Uniti u hija mifruxa madwar id-dinja kollha.

Tgħid li kwart tal-anzjani kollha fid-dinja huma isolati mis-soċjetà, u bejn 5 u 15% tal-adoloxxenti jirraportaw li jħossuhom weħidhom.

Dr Murthy li qiegħed membru tal-kummissjoni mwaqqfa mill-Ġnus Magħquda jgħid li tkun iżolat mis-soċjetà hija ta’ tħassib kbir u għandhom 30% aktar ċans li ssofri attakk tal-qalb.

“Aħna għadna l-obbligazzjoni li nagħmlu l-investimenti meħtieġa biex nerġgħu nibdu soċjetà għal kulħadd. Dan għandu jsir fuq l-istess livelli ta’ investimenti oħrajn li saru meta kien hemm tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem bħal l-użu tat-tabakk, l-obeżità u anke viżżju oħrajn,” qal Dr Murthy.

Hu jħeġġeġ lil poplu Amerikan biex jibqa’ jiltaqa’ aktar ma’ ħbieb, ma’ qraba u kollegi biex iqattgħu aktar ħin flimkien u jekk jista’ jkun dan il-ħin għandu jkun fuq barra. Sostna li mhux aċċettabbli aktar li aktar nies qegħdin jispiċċaw aktar online, iħarlu lejn l-smartphones jew inkella fuq il-midja soċjali.

Adulti żgħar fl-Istati Uniti qegħdin jgħidu li huma qegħdin jesperjenzaw tbatija meta jkunu weħidhom. Jirraportaw li ħafna mill-ħbieb qegħdin jispiċċaw dejjem online u meta jiltaqgħu kulħadd ikun fuq il-mobile tiegħu l-aktar fuq il-midja soċjali.

Rapporti qegħdin jgħidu li t-teknoliġija kompliet taqta’ lin-nies mill-bqija tas-soċjetà. Studji li saru jgħidu li persuni li jgħidu li jużaw il-midja soċjali għal aktar minn sagħtejn kuljum, għandhom riskji ferm akbar li jħossuhom weħidhom.

L-istess studji juru li l-Amerikani qegħdin iqattgħu ferm inqas ħin fil-ġimgħa fi gruppi tal-komunità u anke mal-familja tagħhom u dan kollu qiegħed juri li l-problema tas-soditudni hija ferm kbira.

Ekonomija

Sport