Tuesday, April 30, 2024

IS-SOLITUDNI MATUL IL-FESTI TAL-MILIED

Aqra wkoll

Qegħdin fl-istaġun festiv tal-Milied. Huma ħafna dawk li jħossuhom imħassba u mbeżżgħa mis-solitudni li taħkimhom matul daż-żminijiet. Iħossu l-ansjetà taħkimhom. Proprju matul daż-żminijiet Caritas Malta tkun għaddejja bit-tħejjijiet għall-ikla ta’ Jum il-Milied fil-Kurja għan-nies li ma jkollhomx ma’ min iqattgħu l-Milied biex bis-saħħa ta’ Caritas Malta jinġabru flimkien għall-wens madwar il-mejda tal-ikel.

Għal ħafna minna dan iż-żmien tas-sena fortunatament jfisser festini u ikliet mal-qraba u ħbieb, kanzunetti ferrieħa fuq ir-radju, rigali u xewqat tajba li nagħtu u nirċievu. Huwa żmien ta’ ferħ.

Iżda għal xi nies sfortunatament huwa żmien diffiċli. Għal ħafna raġunijiet differenti, bħal mewt jew firda minn xi ħadd għal qalbhom, jew minħabba li jkunu jgħixu bogħod mill-qraba jew ħbieb, jew anke kawża ta’ iżolament soċjali.

Meta tkun għaddej minn problemi personali u tagħżel li ma taqsamhom ma’ ħadd, is-silenzju tiegħek joħloq vojt bejnek u ta’ madwarek, u saħansitra jista’ jinqala’ kunflitt mill-iżgħar affarijiet. Minflok għandek tagħmel sforz biex tiffoka fuq l-affarijiet li jġibu lilek u lil ta’ madwarek flimkien, billi tiċċelebra l-affarijiet li jgħaqqdukom, u tagħżel li taħfer f’każ li jkun hemm affarijiet li jkunu kkawżaw kunflitt u distanza. Dan ifisser li terġa’ tfassal il-Milied tiegħek b’mod li timmassimizza l-ferħ tiegħek u ta’ dawk ta’ madwarek.

Jekk toqgħod tirrifletti tinnota li kwalunkwe fattur li tidentifika li jikkawża sentimenti ta’ ansjetà, kull ħaġa li ġġiegħlek tħossok waħdek fil-Milied, dawn kollha jistgħu jitqiesu bħala opportunitajiet biex titgħallem dwar l-aġir tiegħek u opportunitajiet li jista’ jkun hemm kif tirreaġixxi b’mod differenti.

Il-Milied huwa żmien ta’ ferħ, għalhekk nistgħu nagħżlu l-hena. Il-kuntentizza hija l-libertà, u l-ewwel pass lejn il-libertà hija l-‘kuxjenza’.

Għal ħafna nies, anke l-idea tal-istaġun tal-festi qrib u l-ħsieb tas-solitudni matul il-Milied iqanqlu sentimenti ta’ stress u ansjetà.

Nammettu lkoll li l-Milied sar kummerċjalizzat ħafna. Niġu bbumbardjati b’immaġini u reklamar li jwassluna biex nemmnu li l-kuntentizza tagħna fil-Milied għandha tidher b’ċertu mod. Hawnhekk trid tipprova żżomm f’moħħok li ħadd m’għandu l-awtorità li jgħidlek kif għandha tkun il-kuntentizza tiegħek, li hija kompletament f’idejk. Itambrulna f’moħħna li biex inkunu ferħanin fil-Milied irridu nkunu ‘ġenerużi’ billi nixtru u nagħtu ħafna rigali.

Ir-realtà hi li hawn individwi li jkunu qed isibuha diffiċli finanzjarjament biex jgħaddu sal-aħħar tas-sena.

Forsi hu mument biex tikkunsidra r-realtà tiegħek u l-kapaċitajiet tiegħek. Jekk ma tistax taffordja li tagħti rigali bħalma għamilt fis-snin ta’ qabel m’għandekx tinkwieta. Tista’ tagħżel li tkun kreattiv u tagħti rigali żgħar iżda sinjifikattivi.

L-għażliet tiegħek mhumiex tajbin jew ħżiena, huma personali… huma dritt tiegħek.

Ħafna nies jistgħu jħossu sens akbar ta’ solitudni u disprament matul il-Milied minħabba li ma jkunux mal-maħbubin tagħhom jew ma jkollhomx ħafna nies madwarhom. Oħrajn għalkemm ikunu bil-familja madwarhom xorta waħda jħossuhom distakkati minnhom kollha minħabba xi ħaġa li qed jitħabtu magħha.

Madankollu dejjem hemm nies madwar li lesti jagħtu appoġġ, u jgħinuk terġa’ tixref tbissima fuq fommok. Huwa importanti li titkellem dwar is-sentimenti tiegħek.

Il-Milied jista’ jkun opportunità biex tagħżel li tfittex appoġġ. Jista’ jkun żmien ta’ fejqan, żmien biex titkellem u tħossok ‘konness’ minflok ‘iżolat’. Hemm ħafna riżorsi u nies ippreparati li jgħinuk issib appoġġ. Kuraġġ!

Sport