Sunday, December 22, 2024

“Is-suċċess ekonomiku nużawh f’investiment fin-nies”

Robert Abela f’għeluq it-tliet snin Prim Ministru jitkellem fuq aktar bidliet u l-prijoritajiet ġodda li għandu l-pajjiż.

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tliet snin ilu Robert Abela, Avukat ta’ 42 sena ħa l-ġurament bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta. Tliet snin ta’ żviluppi differenti, minn pandemija li ħalliet l-effetti tagħha fuq id-dinja kollha għal gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa li kompliet ukoll tħalli impatti bħall-inflazzjoni u l-kriżi fl-enerġija.

Tliet snin li fihom il-pajjiż kompla għaddej minn riformi mhux biss dawk marbuta mal-governanza u t-tisħiħ fis-saltna tad-dritt iżda oħrajn soċjali. Biżżejjed ngħidu biss li fis-sena li faqqgħet il-pandemija, in-nefqa soċjali tal-Gvern żdiedet b’biljun u nofs ewro. Dan f’diversi miżuri fosthom il-Covid Wage Supplement, miżura essenzjali marbuta mal-amministrazzjoni ta’ Robert Abela li mhux biss salvat eluf ta’ impjiegi u tat spalla lill-familji u lin-negozji iżda kienet kruċjali biex il-pajjiż beda għaddej minn irkupru li qed iwassal għal tkabbir ekonomiku mfisser bħala l-akbar fl-Unjoni Ewropea u bl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.

Mistoqsi għal kumment minn Talk.mt, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif irridu nibqgħu ambizzjużi biex pajjiżna jibqa’ jikseb is-suċċess u joħloq opportunitajiet lit-tfal u liż-żgħażagħ filwaqt li s-sostenn lil dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom l-anzjani u l-persuni b’diżabilità, ma jonqosx. “Is-serħan il-moħħ huwa dak li tajna lill-familji u lin-negozji quddiem ċirkostanzi differenti ta’ sfida u dak li se nibqgħu niggarantixxu u naħdmu għalih”, sostna l-Prim Ministru hu u jispjega kif Malta għandha futur sabiħ mibni fuq ottimiżmu u fiduċja ġejjin mill-investiment tal-intrapriżi lokali u investituri barranin kif ukoll aġenziji internazzjonali indipendenti li jagħrfu kemm Malta għandha ekonomija b’saħħitha.

F’dan il-kuntest, Dr Abela spjega ma’ dan is-sit kif ir-riżultati ekonomiċi li qed niksbu jibqgħu sbieħ meta nużaw il-ġid li qed jinħoloq f’investiment lura lin-nies u għalhekk it-tkabbir ekonomiku huwa importanti biex jibqa’ għaddej il-progress soċjali mnebbaħ mill-prinċipju ewlieni mħaddan mill-Partit Laburista, dak tal-ġustizzja soċjali. Il-Prim Ministru aċċenna li l-miżuri favur il-familji fosthom iż-żidiet fiċ-children’s allowance, fil-pensjonijiet u l-għotjiet ta’ €10,000 lill-first-time buyers huma inizjattivi li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja iżda pajjiżna jrid ikompli jagħmel il-qabżiet li jmiss fosthom fl-ambjent. “Meta nitkellmu kontra l-istatus quo, nitkellmu fuq aktar bidliet soċjali iżda anki fl-ambjent quddiem prijoritajiet ġodda li l-pajjiż għandu fosthom proġetti ambizzjużi li fihom naraw aktar spazji ħodor u miftuħa għall-familji”, irrimarka l-Prim Ministru ma’ Talk.mt.

Mistoqsi finalment dwar kif din is-sena bdiet bl-implimentazzjoni ta’ miżuri soċjali, Dr Robert Abela qal li t-tfassil tal-Budgets li ressaq dejjem ikunu deċiżjonijiet importanti u li jtuh sodisfazzjon għaliex kienu msawra ma’ miżuri soċjali u oħrajn strateġiċi biex il-pajjiż baqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba, fosthom l-għajnuna kbira li l-Gvern qed jagħti għall-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil. Il-Prim Ministru spjega wkoll li l-ewwel mandat b’saħħtu li ngħata mill-poplu f’Marzu li għadda tefa’ fuqu u l-Gvern tiegħu responsabbiltà kbira u qed iħares ’il quddiem għal aktar ħidma li tara l-manifest ‘Malta Flimkien’ jiġi implimentat b’mod sħiħ favur l-Għawdxin u l-Maltin.

Ekonomija

Sport