Tuesday, March 26, 2024

”Sirna pajjiż membru de facto tan-NATO”

Il-Ministru għad-Difiża Ukrena, Oleksii Reznikov

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Jidher li l-pajjiżi tal-Punent komplew “ibiddlu fehemthom” dwar il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-gwerra Russo-Ukrajna għaliex m’għadhomx jibżgħu daqskemm kienu li jekk jipprovdu għajnuna militari lill-Ukrajna jista’ jiġi interpretat bħala “eskalazzjoni ta’ gwerra” f’għajnejn ir-Russja.

Tant hu hekk, li f’intervista li kellu l-Ministru għad-Difiża Ukrena, Oleksii Reznikov, mal-midja Ingliża BBC qal li l-Ukrajna saret membru fi ħdan in-NATO: “L-Ukrajna saret membru de facto tan-NATO b’effett immedjat għaliex l-armamenti li għandna aħna l-Ukreni fil-pussess tagħna qed nużawhom b’kawtela kbira”.

L-Ukrajna kienet ilha snin twal bit-tir li tissieħeb bħala wieħed mill-istati membri tan-NATO, att li l-President Russu Vladimir Putin dejjem qiesu ta’ “theddida għas-Sigurtà tar-Russja”.

Uffiċjali Russi argumentaw li fil-ġlieda tagħhom fl-Ukrajna huma qed jiġġieldu kontra n-NATO. Dan hekk kif il-pajjiżi tal-Punent provdew numru ta’ armamenti lill-Ukreni sabiex jgħinuhom jiddefendu ruħhom kontra l-armata Russa.

Reznikov fisser li kien jinsab persważ illi l-Ukrajna se tkun qiegħda tirċievi numru ta’ armamenti, fosthom tankijiet tal-gwerra u fighter jets, li huma bżonjużi ferm sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tikkumbatti fit-taqtigħa kontra r-Russja matul il-ġimgħat li ġejjin.

Minkejja li l-pajjiżi tal-Punent ikkommettew ruħhom li jgħinu lill-Ukrajna, għadu mhux konfermat jekk l-istati membri humiex se jikkunsidraw li l-Ukrajna jkollha sħubija sħiħa fin-NATO, anki wara li tintemm il-gwerra Russo-Ukrajna.

Ekonomija

Sport