Friday, April 18, 2025

Is-suċċess jiġi mir-rieda, sagrifiċċji u konsistenza kif ukoll permezz tat-taħriġ siewi provdut mill-kowċ – James Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn mindu kont żgħir minn dejjem kont inħobb l-isport speċjalment il-futbol fejn fiż-żgħożija tiegħi sa ħames snin ilu kont nippratikkaha darba f’ġimgħa ma’ sħabi. Sitt snin ilu, bħala riżoluzzjoni tal-Ewwel tas-Sena kienet li nibda nimxi iżjed ta’ spiss biex innaqqas il-piż żejjed li kelli fejn kont qisu madwar 20 kilo iżjed milli jien illum. Mill-mixi spiċċajt niġġogja bilmod ħafna kuljum u maż-żmien bdejt inġib in-nifs sew waqt li fl-istess ħin il-piż kien qed jinżel. Darba minnhom iddeċidejt li nipparteċipa f’tiġrija ta’ ħames kilometri (Fastest 5), u ksibt ħin tajjeb u pożizzjoni tajba. Minn hemmhekk bdejt nipparteċipa f’iżjed tiġrijiet li qabel kien qisu kien ikun hawn darba fix-xahar u kulħadd għatxan għalihom. U għal dawn l-aħħar sentejn bdejt nirrapreżenta lis-Sirens Running Club.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

5km – 18.25; 10km – 38.34; Nofs Maratona (21.1km) -(Ottubru 2024) – Bucharest – 1’23’09; Maratona (42.2km) – (Novembru 2024) – Ateni – 3’13’00; Age Category irbaħt diversi Tazzi fosthom EEC Mosta 5K, Three Cities 10K u Burmarrad 10K.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Fejn qabel fi żmieni, qed nagħtu iżjed każ tal-atletika speċjalment qed ninvestu fiż-żgħażagħfosthom permezz tal-iSkola Nazzjonalital-iSport u b’hekk nkunu nistgħu nikkompetu aħjar ma’ pajjiżi barranin speċjalment tal-livell tagħna. Bħala livell ta’ adulti nemmen li għadna ftit lura peró f’din l-aħħar sena qed niksbu riżultati tajbin f’tiġrijiet fejn ikun hemm saħansitra l-aqwa atleti tal-Ewropa. Inġenerali nemmen ukoll, li għandna bżonn ftit iżjed dixxiplina u iżjed konċentrazzjoni fit-taħriġ. Xi ħaġa ġdida u pożittiva għall-atleti tal-futur f’dawn l-aħħar żminijiet hija li f’ċerti tiġrijiet jiġu organizzati kompetizzjonijiet tat-tfal bħal 500m, 1km u 2kms.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Kompetizzjonijiet ta’ distanzi qosra bħal 400m, 800m u 1500m dejjem isiru fit-trakka tal-Marsa, u ġieli wkoll isiru kompetizzjonijite tat-trakka ta’ 3km, 5km u 10km. Bħala taħriġ jista’ jsir fit-trakka fostom dik tal-Marsa u dik ta’ San Alwiġi, kif ukoll għandna l-famuz “park’ ta’ Ta’Qali għalkemm mhuwiex mija fil-mija sikur daqs it-trakka minħabba l-karozzi.

Tiġrijiet fit-toroq avvanzaw ħafna fl-organizzazzjoni u fis-sigurtá min- naħa ta’ traffiku.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Permezz tat-taħriġ tal-kowċ, trid tagħti ċans li jgħaddi ċertu żmien, temmen iżjed fik innifsek u fil-proċess ħalli tibda tara l-frott fir-riżultati u dak li jkun ħaqqek. Nixtieq li l-istaġun li ġej, li ħa nkun f’kategorija ġdida, inkompli bis-suċċess li nirbaħ xi Tazzi f’din is-sezzjoni. Nixtieq inkompli wkoll nikkompeti barra minn Malta, fejn hija esperjenza totalment differenti fis-sens ta’ kwantitá ta’ atleti li jieħdu sehem, fejn ġieli anke ikkompetejt f’tiġrija ta’ 30 elf ruħ, li hawn Malta huwa impossibli li jkollok dik il-kwantitá ta’ atleti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Is-suċċess tiegħek jiġi mir-rieda, sagrifiċċji, u konsistenza, kif ukoll permezz tat-taħriġ siewi provdut mill-kowċ. Ħaġa li nemmen fiha u hija importanti għall-atleta hija li l-kompetizzjoni trid tkun miegħek innifsek u mhux mal -atleti ta’ madwarek. Tinsa qatt tħares lura minn fejn bdejt, u qatt m’għandek taqta’ qalbek f’xejn, aħseb u ara f’xi ħaġa li sirt tħobb tagħmel bħala delizzju jew għall-ġid tas-saħħa tiegħek, kemm fiżika u anke mentali. Ipprova sib ftit ħin għalik innifsek fejn tista’ tiswik bħala ‘break’ żgħir mill-ħajja stressanti ta’ kuljum. Kuraġġ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport