Monday, February 17, 2025

Is-suċċess mhuwiex sempliċiment kemm kapaċi titla’ s-sellum, imma wkoll il-vjaġġ u l-impatt li tħalli warajk – Nenad Navarin

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Niftakar li l-bajja ta’ Boka Kotorska (Montenegro) kienet bħal donnha r-renju tal-waterpolo. Kull villaġġ u kważi kull bajja għandha waterpolo court, li hija disponibbli għal kulħadd u l-ħin kollu, u kien hemm ’il fuq minn għaxar klabbs. Kienet għalhekk il-ħolma ta’ ħafna tfal li xi darba jsiru plejers tal-waterpolo. U hawn fejn bdiet ukoll il-ħolma tiegħi mal-klabb Bokelj, Baošići fejn il-kbir Aleksandar Ivović, iktar magħruf bħala ‘Leka’ trabba, u fejn kelli x-xorti li nkun l-ewwel kowċ tiegħu.

Il-karriera tiegħi bħala plejer ma tantx kienet ta’ suċċess – bdejt bħala junior ma’ Mladost  f’Zagreb, u bħala senior ma’ Medveščak f’Zagreb ukoll, Bokelj u Baošići. Wara bdejt bħala kowċ fil-Montenegro – ma’ Bokelj – mal-juniors, kont head coach tas-seniors u wkoll tat-tim tan-nisa. Insemmi wkoll lil Bijela, Jadran – juniors fil-Greċja, in-NEP Patras – juniors u head coach u wkoll tat-tim tan-nisa, fl-Eġittu, ma’ Gezira SC, head coach juniors u fir-Russja, Shturm 2002 – juniors u head coach u wkoll tat-tim tan-nisa, u finalment f’Malta man-Neptunes WPSC.

Kif imbagħad bdejt bħala kowċ?

F’Awwissu tal-2017, irċevejt email mill-president tan-Neptunes, Matthew Bonello, b’offerta biex inkun il-kowċ tal-juniors għal dik is-sena u wkoll kowċ tas-seniors minn Ottubru sa Marzu wara rakkommandazzjoni mill-kowċ Montenegrin Vlado Gojković.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ man-Neptunes WPSC Coach fis-settur tal-Youths.

Kont kowċ ta’ timijiet tal-U15, U17 u U2O u minn Ottubru sa Marzu kowċ tas-seniors, li kellu ħafna juniors, u kont iffortunat li ġejt man-Neptunes wara kowċis tant professjonali bħal Zoran Maslovar u Igor Martinović, li kienu qed jagħmlu biċċa xogħol tajba qabli. Fl-istaġun 2017/18, it-tliet championships intrebħu b’telfa waħda biss. Mal-head coach Jovan Popović, li jiena kont assistent tiegħu, irbaħna wkoll is-senior championship. Fis-snin ta’ wara, sal-2022 irbaħna żewġ seniors u ħafna junior championships. Kont kuntent immens għax matul is-snin, madwar 15-il junior minn klabbs oħra Maltin ingħaqdu magħna bix-xewqa li jitħarrġu miegħi. Iżda l-akbar success għalija hu li ħafna minn dawn it-tfal saru senior players, inkluż ukoll plejers mat-tim nazzjonali. L-iżgħar huma, 2007/8, sitt subien li saru membri tas-senior tim, u issa n-Neptunes qegħdin jippruvaw jibnu tim kompetittiv permezz tagħhom.

Kemm hu importanti li nippromwovu s-settur tal-Youths lokali?

L-iżvilupp tal-Youths huwa xi ħaġa kruċjali biex tikseb suċċess u tagħmel progress fil-waterpolo, u huma l-futur ta’ kull klabb. Biex tibni futur li jkun sostenibbli huwa neċessarju li tibni sistema, u kull kowċ fil-qasam tal-Youths għandu jkollu l-għan ewlieni li jsib aktar plejers li kapaċi jilagħbu bħala seniors. Is-suċċess f’tournaments tal-Youths iwassal għall-ferħ, imma ma jkollux sens jekk fl-aħħar mill-aħħar ma jwassalx għal ftit plejers li kapaċi jilagħbu fuq livell tas-seniors.

Iddeskrivi l-livell tal-waterpolo f’Malta fil-preżent u x’taħseb dwar ir-riżorsi li hemm bħalissa?

Il-livell tal-waterpolo f’Malta bħalissa dejjem qed jikber ma’ kull sena li tgħaddi. Ħafna kowċis li huma ġejjin minn pajjiżi tal-eks Yugoslavia żgur li jikkontribwixxu għal dan. Il-wasla tal-kowċ  żagħżugħ u verament tajjeb, Milan Ćirović bħala l-kowċ tat-tim nazzjonali kien pass importanti.

Għalhekk, il-waterpolo f’Malta għandu futur sabiħ quddiemu. Jiena ċert li l-indoor pools komplew jgħollu l-livell, u huwa verament importanti li l-għażla tal-junior u s-senior, it-timijiet nazzjonali u l-klabbs jipparteċipaw f’komptizzjonijiet Ewropew kull meta hu possibbli.

Kif qed tħares lejn il-futur bħala kowċ tal-waterpolo?

Waqaft għal ftit mill-waterpolo minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Iżda issa ninsab lest biex nirritorna u qed naħseb x’nista’ nagħmel. Wasal iż-żmien li naqsam l-għarfien tiegħi tal-logħba ma’ ħaddieħor, minħabba l-fatt ukoll li l-waterpolo huwa sport li ftit tingħata informazzjoni u ftit issib letteratura fuqu. Jiena nemmen li t-tagħrif ikun inutli jekk mhux lest li taqsmu ma’ ħaddieħor, allura ġejt bl-idea li noħloq kamp tal-waterpolo magħmul minn plejers ta’ qabel. Ikun sabiħ ukoll kieku kelli nirritorna bħala kowċ, forsi f’Malta stess fejn qattajt ħames snin mill-isbaħ.

Għaddi messaġġ finali lil dawk li wkoll jixtiequ jagħmlu karriera mill-waterpolo.

Is-suċċess mhuwiex sempliċiment kemm kapaċi titla’ s-sellum, imma wkoll il-vjaġġ u l-impatt li tħalli warajk. Ibqa’ oħlom, stinka u taqta’ qalbek qatt. Il-karriera tiegħek hija f’idejk. Investi fik innifsek u l-karriera tiegħek għad tirringrazzjak ’il quddiem!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport