Sunday, December 22, 2024

Is-Super Cup Torka fl-Arabja Sawdija tiġi posposta

Aqra wkoll

Il-finali tas-Super Cup Torka bejn Gala­tasaray u Fenerbahce, fl-Arabja Sawdija, ġiet posposta minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-clubs u l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitu.

Il-partita kienet skedata li tibda fis-6.45 pm iżda, b’eluf ta’ partitarji ġewwa l-Ista­dium Al-Awwal ta’ Riyadh, ġiet imwaqqfa fis-7.00 pm.

Il-Federazzjoni tal-Football Torka (TFF) u l-clubs taw it-tort għal “problemi fl-organiz­zazzjoni” tal-partita wara li l-awtoritajiet irrifjutaw banners li jirreferu għall-missier meqjum tat-Turkija moderna, Mustafa Kemal Ataturk.

Galatasaray u Fenerbahce kienu mistennija jaslu għall-partita vetrina bejn iċ-champions tal-kampjonat u r-rebbieħa tat-tazza b‘banners li jġorru l-kliem ta’ Ataturk, “Paċi fid-dar, paċi fid-dinja”, li l-awtoritajiet Sawdi ma kinux jippermettu.

Il-players lanqas ma tħallew jidħlu fil-ground lebsin flokkijiet li juru x-xbieha ta’ Ataturk.

Ataturk nieda programm ta’ riforma soċjali u politika rivoluzzjonarja biex jimmodernizza t-Turkija, u serva bħala l-ewwel president tagħha mill-1923 sal-mewt tiegħu fl-1938.

Dawn ir-riformi nkludew l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-abolizzjoni tal-istituzzjonijiet Iżlamiċi kollha u l-introduzzjoni ta’ kodiċi legali tal-Punent, ilbies, kalendarju u alfabett, li ssostitwixxa l-iskrizzjoni Għarbija b’waħda Latina.

Uffiċjali għolja ta’ Galatasaray u Fenerbahce kellhom laqgħa mal-president tal-Fe­derazzjoni tal-Football Torka (TFF), Mehmet Buyukeksi, qabel ma tħabbret id-deċiżjoni.

L-ammistraturi ta’ Riyadh, organizzaturi tal-partita, qalu: “Konna ħerqana li norganizzaw il-partita fil-ħin skond ir-regoli u r-regolamenti internazzjonali tal-football li jeħtieġu li l-isport jiġi ppreżentat mingħajr ebda slogans barra l-ambitu tiegħu, speċjalment peress li dan ġie diskuss mal-Federaz­zjoni Torka fil-qafas tal-laqgħat preparatorji għall-partita.

Id-deċiżjoni li ssir il-partita fl-Arabja Sawdija kienet ġiet ikkritikata bl-aħrax fit-Turkija, peress li l-2023 hija l-100 anniversarju mit-twaqqif tar-Repubblika Torka moderna.

Il-clubs Torok tas-Super Lig, Samsunspor u Besiktas, talbu biex il-partita tintlagħab fil-grounds tagħhom.

F’nofs Diċembru l-kampjonati Torok kol­lha ġew sospiżi wara li r-referee Halil Umut Meler kien aggredit mill-president tal-MKE Ankaragucu, Faruk Koca.

Ekonomija

Sport