Saturday, December 28, 2024

IS-SUQ WAĦDIENI EWROPEW

Aqra wkoll

Żar Malta ftit ilu l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta. Qed imexxi inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni Ewropea biex tara kif jista’ jissaħħaħ u jkompli jinfirex is-suq waħdieni Ewropew. Il-ħsieb hu li jitkomplew bidliet li tassew iwasslu biex l-iskambji kummerċjali u ekonomiċi mal-kontinent Ewropew isiru fi spazju wieħed fejn japplikaw l-istess regoli.

Il-miżuri meħtieġa jridu jkunu ekonomikament fattibbli u japplikaw għal kulħadd. Fl-istess ħin, iridu jkunu aċċettabbli għal komunitajiet li matul sekli, draw iħaddmu mekkaniżmi ekonomiċi u soċjali diversi.

Bihom, l-Ewropa trid tkun tista’ tibqa’ tikkompeti ekonomikament b’suċċess mal-Istati Uniti u maċ-Ċina. U jridu jsir bla wisq tnikkir għax il-pass tal-globablizzazzjoni teknoloġika qed jikkarga.

Sa issa, ħlief meta qamet xi kriżi, l-għaqda Ewropea twettqet pass pass. Iqumu d-dubji jekk dal-pass sarx wisq kajman biex ilaħħaq mal-isfidi tal-futur.

DEPUTATI EWROPEJ

Hi moda qadima fost dawk li ftit jifhmu fis-suġġett li jmaqdru l-ħidma tad-deputati parlametari Ewropej għax skond huma, dawn telqu għal ġirja ħafifa u konfortabbli wara flus li jitħallsu bir-radam għal ħidma fjakka.

Issa, jien wieħed minn dawk li kkritikajt il-ħidma tal-Parlament Ewropew… u għadni. Inqisha wisq minfuħa – fis-sens li wisq mill-ħin tal-Parlament jittieħed minn diskussjonijiet li ftit għandhom x’jaqsmu mal-kompetenzi reali tal-Parlament u jinħassu bħala “akkademiċi”. Inqis li d-dibattiti għandhom jiġu mfassla b’mod ħafna aktar marbut mat-termini ta’ referenza mogħtija lill-Parlament.

Imma dan xejn m’għandu x’jaqsam ma’ kif id-deputati Ewropej (is-serji minnhom, niftehmu) jqattgħu l-ġimgħat u x-xhur tagħhom. Il-vjaġġi ta’ kull ġimgħa, il-ħidma li trid issegwi, il-komunikazzjoni li trid iżżomm bejn Brussell, Strasburgu u l-pajjiż li qed jirrappreżentaw jammontaw għal pressjoni qawwija ħafna fuq il-ħajja ta’ min isegwi dil-linja ta’ ħidma.

RIPRODUZZJONI SOĊJALI

Kunċett “marksista” li dejjem sibtu affaxxinanti hu dak li jitkellem dwar l-hekk imsejħa “riproduzzjoni” ekonomika u soċjali. Fil-ħidma mwettqa minn kull komunità bħala għaqda bejn persuni li jgħixu flimkien, għan ewlieni hu dak li jsostnu u jġeddu l-ġid materjali u r-rabtiet soċjali li jgħixu minnhom. B’hekk, il-komunità bħala enti separata tinżamm għaddejja matul id-deċennji u s-sekli.

Il-mudell hu bioloġiku: jixbaħ kif il-ħajja organika tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. U bl-istess mod, kif il-klassijiet soċjali jikkontestaw lil xulxin ħalli jgawdu minn aktar poter u aktar ġid materjali hemm tixbiha ċara ma’ kif l-ispeċje tal-bhejjem jirbħu u jitilfu dominanza fuq l-ambjent u l-ispeċji l-oħra.

Sal-lum għadni naraha bħala tixbiha siewja, imma ma naqbilx li twassal għal xi tbassir sod dwar kif din il-kompetizzjoni ekonomika u soċjali tista’ tispiċċa.

Ekonomija

Sport