Dalgħodu fl-Isptar Mater Dei sar l-aċċess bħala parti mill-inkjesta Maġisterjali li ġiet ordnata wara l-mewt ta’ Stephen Mangion.
Nhar is-Sibt li għadda diversi persuni kienu mitlubin jmorru l-Għassa tas-Sliema biex jixhdu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Fost dawk li kienu msejħa biex jagħtu x-xhieda tagħhom kien hemm il-mara ta’ Mangion u diversi qraba tiegħu.
Rapporti fil-midja qegħdin jirraportaw li Stephen Mangion, ir-raġel ta’ 55 sena miet fid-Dipartiment tal-Emerġenza nhar it-Tlieta li għadda, kien dejjem akkumpanjat minn xi ħadd. L-istess rapporti qalu li Mangion irreġistra l-isptar biex jagħmel dak li jissejjaħ triage u li jiddetermina kemm hu serju l-każ u sakemm tarh it-tobba għaddew 20 minuta.
Jirriżulta li dakinhar li miet, Mangion kien ilu minn filgħodu jħossu ma jiflaħx. L-awtopsja kkonkludiet li huwa miet bi problemi li kellu f’qalbu. Skont iċ-ċertifikat tal-mewt joħroħ li Mangion kellu marda f’qalbu u li anke kien ibati minn pressjoni għolja.
Aktar minn hekk il-Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiv, Jo Etienne Abela, aktar kmieni l-ġimgħa li ħaddiet ħabbar li se tibda inkjesta indipendenti dwar il-mewt ta’ Mangion. Din se tkun qiegħda titmexxa minn Imħallef irtirat u hija separata mill-inkjesta maġisterjali li għaddejja skont il-liġi.